Tnejn jingħataw sentenza sospiża wara aggressjoni f’lukanda f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Żewġt irġiel mill-Pakistan kienu kkundannati sentenza sospiża wara li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ aggressjoni fuq receptionist manager ta’ lukanda f’San Ġiljan u uffiċjal tas-sigurtà.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu nhar il-Ġimgħa li għadda, meta l-manager kien infurmat li f’wieħed mill-appartamenti tal-istess lukanda kien hemm persuna li kienet qiegħda tirrisjedi hemm mingħajr ma tħallas. 

Dan il-persuna rriżulta li kien l-imputat Ali Haider, li għandu 26 sena u huwa residenti San Ġwann. Irriżulta wkoll li f’dan l-appartament kien qed joqgħod l-imputat l-ieħor – Syed Shah Haroon ta’ 33 sena, flimkien ma’ persuna oħra. 

Huwa mifhum li meta l-manager mar ikellem lil Haider u talbu biex jitlaq minn fuq il-post, dan tal-aħħar allegatament qallu “tindaħalx” u beda joffendih. 

Kien hawn fejn qamet kommossjoni bejniethom u l-vittma spiċċa biex sofra ġrieħi gravi. Jidher ukoll li l-imputat Haider sofra xi ġrieħi f’idejh wara li l-allegat vittma spiċċa biex gidmu biex jiddefendi ruħu minnu.

Intant, dak il-ħin l-imputat l-ieħor kien daħal mill-gallarija fejn kien qiegħed u allegament ħebb għall-persuna l-oħra li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà.

Ali Haider waħdu kien mixli li darab gravi lir-receptionist manager tal-lukanda filwaqt li Haroon waħdu kien mixli li darab ħafif lill-persuna l-oħra. 

Huma kienu mixlija wkoll li kkaġunaw ħsara volontarja meta kissru n-nuċċalijiet li kienu lebsin l-allegati vittmi. Barra minn hekk, huma kienu akkużati li kkaġunawlhom biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom jew kontra l-proprjetà tagħhom u li kisru l-paċi pubblika.

Fil-Qorti huma ammettew għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom, b’Haider ikun ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u Haroon ikun ikkundannat sena ħabs sospiżi għal tliet snin. 

Huma kienu obbligati wkoll sabiex ma jkellmux lill-vittmi filwaqt li ġew ordnati jħallsu tal-ħsarat li kkawżawlhom fin-nuċċalijiet tagħhom, li jiswew mat-€300 kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Nicholas De Gaetano mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Pierguido Saliba.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport