Tuesday, August 4, 2026
Home Internazzjonali Tlieta maqtula wara li bomba splodiet f’ristorant f’Moska

Tlieta maqtula wara li bomba splodiet f’ristorant f’Moska

0
14

Minn tal-inqas tliet persuni nqatlu u 21 oħra ndarbu wara li sploda apparat splussiv f’ristorant Taljan f’Moska.

Skont ma ġie rrapportat fil-midja tal-istat tar-Russja, li kkwotaw uffiċjali tas-sigurtà, intqal li l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tal-10.00 p.m. (ħin lokali) fil-pjazza Kudrinskaya.

Il-Kumitat Nazzjonali kontra t-Terroriżmu (NAK) qal li mara li kienet qiegħda ġġorr splussivi pprovat tidħol fir-ristorant iżda kienet imwaqqfa minn uffiċjal tas-sigurtà. Ġie rrapportat kif l-apparat splussiv sploda u qatel lill-mara, lill-uffiċjal u lil persuna oħra li kienet fir-ristorant.

Dak il-ħin fir-ristorant kienet qiegħda ssir attività privata. L-awtoritajiet lokali ma żvelawx il-lista tal-mistednin u lanqas ma qalu lil min jemmnu li seta’ kien fil-mira tal-attakk.

Xhieda fuq il-post qalu li raw nies jinħarġu mir-ristorant miksija bid-demm wara l-isplużjoni.

L-ewwel rapporti kienu jgħidu li l-isplużjoni seħħet fil-kċina tar-ristorant, iżda aktar tard ir-ristorant ħareġ stqarrija fejn qal li “kien hemm problema fuq barra”. 

Filmat ippubblikat mill-aġenzija tal-aħbarijiet tar-Russja RIA kien juri uffiċjali tal-infurzar tal-liġi armati fuq il-post, li kien ngħalaq għall-pubbliku.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here