Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, il-Prodott Gross Domestiku, minkejja li f’termini reali mmodera xorta waħda baqa’ b’saħħtu. Barra minn hekk, l-attività ekonomika medja f’Malta kienet ogħla minn dik reġistrata fiż-żona tal-ewro. Dan it-tkabbir kien primarjament dovut għad-domanda domestika anke meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni.
Dan ħareġ mir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-iżviluppi ekonomiċi fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena. L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju żdied marġinalment mill-kwart ta’ qabel, u kkonferma indikazzjonijiet preċedenti li l‑attività ekonomika kompliet tikber b’ritmu ogħla mill‑medja storika.
Matul l-ewwel kwart tal-2026, is‑suq tax‑xogħol baqa’ b’saħħtu, b’żidiet fl-attività kif ukoll fir-rati ta’ impjieg. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f’Malta baqa’ aktar b’saħħtu minn dak fiż-żona tal-euro.
Għalkemm ir-rata tal-qgħad telgħet bi ftit, baqgħet ferm iżjed baxxa minn dik fiż-żona tal-euro. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu stretti, hekk kif l-għadd ta’ postijiet tax-xogħol vakanti kif ukoll ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti żdiedu meta mqabbla ma’ sena qabel u kienu f’livelli storikament għoljin.
L-inflazzjoni għall-konsumatur immoderat matul l-ewwel kwart tal-2026. L‑inflazzjoni annwali HICP battiet għal 2.3% f’Marzu 2026 minn 2.5% f’Diċembru 2025, filwaqt li l‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal‑enerġija u l‑ikel, żdiedet bi ftit għal 2.4%. Għalkemm l-inflazzjoni ewlenija skont l-HICP baqgħet taħt il-medja taż-żona tal-euro, l-inflazzjoni li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet f’livell ogħla minn dak taż-żona tal-ewro.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, minkejja li l-Gvern irreġistra defiċit akbar meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel, il-proporzjon tad-dejn fil-PDG naqas mill-kwart ta’ qabel u baqa’ ferm taħt il-medja taż-żona tal-ewro.


