Sunday, November 24, 2024

Tnejn mixlija b’attentat ta’ qtil ta’ Libjan f’residenza f’Bormla

Aqra wkoll

Żewġt irġiel Maltin inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti fejn ġew mixlija li l-Ħadd li għadda pprovaw joqtlu Libjan f’residenza f’Bormla. 

L-akkużati huma Sean Grech ta’ 33 sena u Johan Cassar ta’ 34 sena, it-tnejn residenti Bormla. 

Minbarra l-akkuża t’attentat ta’ qtil, huma ġew mixlija li ħebbew għall-vittma, żammewh kontra l-volontà tiegħu, ġarrew sikkina mingħajr liċenzja u li saru reċedivi.

Sean Grech waħdu kien mixli wkoll li naqas milli josserva xi kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati b’żewġ digrieti li bihom ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Meta tressqu quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. 

Il-Qorti semgħet kif il-Ħadd li għadda, Libjan ta’ 36 sena daħal fl-għassa ta’ Bormla u kellu d-demm iqattar. Il-vittma kien qal lill-uffiċjali li qala’ daqqa ta’ sikkina f’dahru waqt li kien f’residenza li tinsab fi Triq il-Madonna tal-Grazzja. Huwa ttieħed l-isptar b’urġenza biex jingħata l-kura għall-ġrieħi serji li sofra. 

L-Ispettur Kurt Farrugia tkellem mal-allegat vittma fl-isptar u l-istqarrija awdjoviżiva tiegħu ġiet irreġistrata wkoll fuq il-bodycams tal-pulizija. Ir-raġel qal li kien daħal fid-dar ta’ Grech u ra żewġt irġiel oħra, it-tnejn Maltin, li iżda ma kienx jaf min huma.

Spjega lill-pulizija li meta daħal f’din id-dar, wieħed mill-irġiel resaq lejh u ħareġ sikkina. Dlonk huwa staqsieh “għaliex?”, iżda r-raġel l-ieħor allegatament kien tah daqqa biha fuq dahru. 

Huwa rnexxielu jaħrab mid-dar u mar dritt l-għassa biex jirrapporta l-inċident. Dwar dan il-każ, il-Pulizija kienet arrestat raġel ieħor Malti, li jgħix fid-dar fejn allegatament seħħ il-każ, iżda ġie rilaxxat wara li kien investigat.

L-Avukati difensuri ma talbux għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati, u għaldaqstant inżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magro flimkien mal-Avukat Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Matthew Xuereb u Charles Mercieca dehru għal Grech u Cassar.

Sport