Friday, December 20, 2024

Tnejn mixlija b’serq u li ħebbew għall-pulizija f’Paceville

Aqra wkoll

Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv fuq akkużi ta’ serq u aggressjoni fuq uffiċjali tal-pulizija f’Paceville.

Kidu Gebremariam Gebrecharikos ta’ 37 sena mill-Eritrea u Mustafa Aseyr Ahmed ta’ 27 sena mis-Somalja, tressqu quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Strafrace mixlija li t-Tnejn li għadda serqu mobile u li rreżistew b’mod vjolenti lil erba’ uffiċjali tal-pulizija bil-konsegwenza li darbu tnejn minnhom b’mod ħafif.

Ahmed waħdu kien mixli wkoll li kien riċediv filwaqt li Gebrecharikos kien mixli li għamel ħsara fil-proprjetà tal-gvern u li kiser sentenza sospiża. 

L-Ispettur Clinton Theuma, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti kif il-pulizija kienet irċeviet rapport dwar serq ta’ mobile minn “żewġt irġiel Afrikani”. Intqal li l-vittma kien ta lill-pulizija deskrizzjoni tal-allegati ħallelin u waqt li kienu sejrin fuq il-post, irċevew rapport ieħor dwar argument fl-istess żona ta’ fejn seħħ l-ewwel każ.

Il-Pulizija kienu raw lil Gebrecharikos u sejħulu biex ikellmuh. Kien f’dan il-mument meta huwa allegatament sar aggressiv fil-konfront tal-pulizija u waqt li kienu qed iżommuh weġġa’ tnejn minnhom. 

L-Ispettur qal li l-imputat Gebrecharikos kien ukoll ta daqqa ta’ sieq fuq il-karozza tal-pulizija u kkawża b’madwar €1,000 fi ħsara. Huwa mbagħad kien ittieħed l-Għassa fejn sostna li ma jiftakarx x’kien ġara.

Sadanittant, tim ieħor ta’ uffiċjali tal-pulizija sabu lill-imputat l-ieħor, Mustafa, qrib l-istabbiliment Havana. Intqal li huwa kien jaqbel eżatt mad-deskrizzjoni mogħtija mill-vittma. Mustafa pprova wkoll jaħrab minn fuq il-post u rrifjuta li jitkellem mal-pulizija wara li dawn qalulu li huwa kien is-suspettat li seraq il-mobile. 

Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom iżda baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Avukat Brandon Kirk Muscat deher għaż-żewġt irġiel.

Ekonomija

Sport