Monday, December 23, 2024

Tnejn mixlija li ħebbew għal pulizija waqt logħba futbol

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti mixlija b’akkużi relatati ma’ ħsara volontarja u li ħebbew għal Kuntistabbli tal-pulizija waqt logħba futbol bejn Birkirkara u Santa Luċija f’Tony Bezzina Stadium, f’Raħal Ġdid.

L-imputati huma Kerstin Falzon ta’ 21 sena u Jake Attard ta’ 19-il sena minn Birkirkara, li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom, bl-Avukati tagħhom jitolbu għall-ħelsien mill-arrest. 

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba billi qalet li l-każ seħħ fuq xi ħaġa li qatt ma kellha għalxiex tinqala’. L-Ispettur Paul Camilleri spjega li l-imputati ġew identifikati minn filmati tas-sigurtà wara inċident li nqala’ fis-sezzjoni tal-VIP tal-istadium. 

Id-Difiża sostniet li l-imputati kkoperaw mal-pulizija u li fil-filmat ma jidhirx li Jake Attard refa’ jdejh jew offenda lil xi ħadd.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, tat il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest liż-żewġ imputati taħt depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000 kull wieħed. Huma ġew ordnati wkoll jiffirmaw l-Għassa ta’ Birkirkara darba fil-ġimgħa.

Ekonomija

Sport