Tuesday, January 6, 2026

Tnejn mixlija li ħebbew għal raġel u serqulu €510

Aqra wkoll

Raġel u mara nżammu arrestati wara li ġew mixlija li ħebbew għal raġel fil-Gżira u serqulu €510.

L-allegat każ seħħ nhar id-29 ta’ Diċembru 2025, fi Triq San Albert. 

L-Ispettur Lydon Zammit spjega fil-Qorti ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest taż-żewġ imputati. 

Huwa spjega kif il-vittma kien safa misruq minn raġel armat b’sikkina li kien flimkien ma’ mara. Allegatament, dawn mhux biss serqulu l-mobile imma wkoll id-dokumenti personali tiegħu.

Wara s-serqa, l-imputati qabdu taxi u mxew minn appartament Airbnb għal ieħor sakemm fl-aħħar instabu f’appartament short let f’Tas-Sliema fejn ġew arrestati.

Minn tfittxija fuq il-post, il-Pulizija sabu d-dokumenti tal-vittma, il-kartiera u l-mobile tiegħu.

L-imputati, Ivan Andres Hinestroza Ambuila ta’ 18-il sena u Monica Alejandra Delgado Garcia ta’ 21 sena, it-tnejn ta’ nazzjonalità Kolombjana u mingħajr indirizz fiss f’pajjiżna, wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Iżda wara li l-Qorti spjegatilhom il-konsegwenzi legali tal-ammissjoni, l-imputati staqsew jekk setgħux iħallsu multa minflok priġunerija, b’Ambuila saħansitra jistaqsi jekk jistax iħallas multa u jiġi deportat. 

Wara li nnotat kif wieġbu l-imputati, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, ma aċċettatx l-ammissjoni tagħhom u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Martina Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Ian Azzopardi, Keith Rizzo u Lydon Zammit.

L-Avukati tal-Għajuna Legali Victor Bugeja u Ingrid Zammit Young dehru għal Monica Alejandra Delgado Garcia u Ivan Andres Hinestroza Ambuila rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport