Monday, May 13, 2024

Tobba Ingliżi mħeġġa ma jirrapurtawx każi ta’ abort lil pulizija

Aqra wkoll

Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, l-iktar tobba, fir-Renju Unit qed ikunu mħeġġa biex ma jirrappurtawx lill-pulizija każi ta’ abort jekk ikunu konvinti li l-pazjenti setgħu temmew it-tqala tagħhom stess illegalment.

Ir-Royal College of Gynecologists and Obstetricians (RCOG) jgħid li nisa “trawmatizzati profondament” qed jiġu mħarrka wara li jkunu għamlu abort.

Bil-liġi, id-dejta tal-pazjenti m’għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-kunsens tal-pazjenti stess.

Il-linja gwida l-ġdida ssegwi żieda riċenti fl-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-aborti. L-RCOG filwaqt li jgħid li dawn il-każijiet huma rari, madankollu, qed iħeġġeġ lin-nisa biex ifittxu għajnuna medika jekk ikun hemm bżonn.

Skpont il-liġi, ħaddiem tal-kura tas-saħħa jista’ jikser ir-regoli ta’ kunfidenzjalità meta jagħti informazzjoni lill-pulizija dwar reati possibbli, biss jekk ikun fl-“interess pubbliku”. Skont l-RCOG iżda “qatt” ma’ huwa fl-interess pubbliku li jiġu rrapportati nisa li jagħmlu abort, u li dawn għandhom jiġu salvagwardjati.

Fl-ewwel gwida uffiċjali maħruġa tat-tip tagħha, ħaddiem tal-kura tas-saħħa għandu jiġġustifika kwalunkwe żvelar ta’ data tal-pazjent jew jiffaċċja proċeduri potenzjali kontriħ.

Fl-istess waqt ir-Royal College of  Gynecologists and Obstetricians huwa mħasseb bin-numru dejjem jiżdied ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija wara terminazzjoni jew telf ta’ tqala u l-effett li dan jista’ jkollu fuq pazjenti speċjalment vulnerabbli.

Skont Dr Jonathan Lord, id-direttur mediku ta’ RCOG, il-Liġi li oriġinarjament kienet iddisinjata biex tipproteġi lin-nisa issa qed tintuża kontrihom. Żiied jgħid ukoll li jemmen li xi ħaddiema tal-NHS qasmu informazzjoni mal-pulizija minħabba li ma kellhomx għarfien biżżejjed dwar ir-regolamenti tal-kunfidenzjalità.

Fl-2022, in-numru ta’ aborti illegali suspettati li ġew irreġistrati mal-forzi tal-pulizija fl-Ingilterra u Wales tela’ għal 29, minn 16 fl-2018.

L-aborti huma legali fl-Ingilterra jekk isiru minn tabib reġistrat u jseħħu fl-ewwel 24 ġimgħa tat-tqala. Inkella, huwa illegali li tintemm tqala deliberatament u taħt l-Att dwar Reati Kontra l-Persuna tal-1861, iġġorr piena massima ta’ għomor il-ħabs.

Is-sena li għaddiet, sitt nisa ġew imħarrka fl-Ingilterra fuq suspett li kisru l-liġi tal-abort meta mqabbla ma’ tlieta biss fl-20 sena ta’ qabel. Dan jinkludi dak ta’ mara li btefgħet il-ħabs fl-2020.Huwa maħsub li l-informazzjoni dwarhom setgħet ingħatat lill-pulizija minn persuna medika.

Ħafna nisa li kienu ġew investigati fil-fatt kellhom korrimenti tard, jew kienu aktar tard fit-tqala tagħhom milli kienu ndunaw meta kellhom terminazzjonijiet.

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna (CPS) jikkunsidra bir-reqqa ċ-ċirkostanzi personali ta’ dawk li jtemmu t-tqala barra mill-parametri legali u jindirizzahom bl-aktar mod sensittiv.

Il-prosekuturi Ingliżi għandhom id-dmir li jiżguraw li l-liġijiet stabbiliti mill-Parlament jiġu kkunsidrati u applikati kif suppost meta jieħdu deċiżjonijiet diffiċli dwar l-akkużi tar-reat.

L-RCOG jgħid li din hija kwistjoni sensittiiva u għalhekk jappoġġa emenda għall-Abbozz ta’ Liġi tal-Ġstizzja Kriminali, li jkollha l-effett li tipproteġi lin-nisa mill-prosekuzzjoni talli jagħmlu abort.

Kif inhu x-xenarju llum, kwalunkwe bidla fil-liġi f’dan il-qasam tkun kwistjoni ta’ kuxjenza għall-membri parlamentari individwali aktar milli għall-gvern.

Sport