Friday, May 3, 2024

Xiri ta’ prodotti jew servizzi permezz tat-telefown

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Illum il-ġurnata għadna nsibu ruħna f’sitwazzjonijiet fejn nirċievu telefonati mingħand persuni li jippruvaw ibiegħulna xi tip ta’ prodott jew servizz.  Ħafna drabi ma nkunux preparati għal dawn it-tip ta’ telefonati u bla ħsieb ta’ xejn, naqbdu u naċċettaw li nixtru l-prodott jew servizz, anke jekk ma jkollnix bżonnu. 

Huma ħafna dawk li jilmentaw li meta jagħmlu dan it-tip ta’ xiri mhux dejjem jirċievu dak li jkunu qablu fuqu jew agħar minn hekk jirċievu xi ħaġa kompletament differenti minn dak li jkunu qed jistennew. Mill-banda l-oħra, meta l-bejgħ ikun xi tip ta’ servizz, il-konsumaturi jaf jiġu mogħtija l-impressjoni li jkunu ser jingħataw xi ħaġa b’xejn mal-kuntratt. Dan għaliex il-konsumaturi ma jiġux infurmati li ma’ dan ir-rigal b’xejn hemm xi termini u kundizzjonijiet li jkunu jridu josservaw.

Għalhekk tajjeb li nieħdu diversi prekawzjonijiet sabiex nevitaw uħud mill-problemi relatati ma’ xiri ta’ prodotti jew servizzi permezz tat-telefown. Pereżempju għandna nkunu nafu sew x’inhuma d-drittijiet legali tagħna u kif aħna protetti mil-liġi f’każ li tinqala problema bix-xiri li nkunu għamilna.  

Meta nirċievu dawn it-tip ta’ telefonati huwa importanti li nieħdu nota tal-isem tal-persuna li tkun qed tkellimna u l-isem tal-kumpanija li din il-persuna qed tirrapreżenta. Il-persuna li nkunu qed inkellmu hi obbligata li tgħidilna bl-għan ta’ dik it-telefonata immedjatament fil-bidu tal-konverżazzjoni, iġifieri li t-telefonata qed issir għal skopiijiet ta’ bejgħ. 

Barra minn hekk għandna nieħdu wkoll nota tad-deskrizzjoni tal-prodott jew servizz li qed niġu mwiegħda li ħa jkollna u f’każ ta’ prodotti m’għandna qatt nikkommettu ruħna li ser nikkonkludu x-xiri qabel ma naraw il-prodott. Jekk ikun hemm bżonn, nistaqsu lil min iċemplilna sabiex jiġi d-dar biex inkunu nistgħu naraw dak li qed joffrilna biex nixtru sew.  Importanti li qatt ma nagħtu d-dettalji tal-karta ta’ kreditu tagħna minn fuq it-telefown. Jekk bi żball nagħtu dawn it-tip ta’ dettalji, nieħdu ħsieb naraw ir-rendikont tal-bank (bank statement) u nikkonfermaw li ma sarux tranżazzjonijiet mhux awtorizzati.

Meta niddeċiedu li nixtru prodott permezz tat-telefown, għandna niftakru li d-drittijiet li għandna meta nixtru kull tip ta’ prodott ieħor minn ħanut normali ma jinbidlux. Dan ifisser li l-prodott xorta jkollu s-sentejn garanzija li tagħtina l-liġi, irid ikun kif deskritt mill-bejjiegħ, , skont il-kuntratt tal-bejgħ, kif ukoll tajjeb għall-iskop li nxtara għalih. Bħal dejjem għandna nistaqsu dwar l-użu u l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott qabel nikkommettu ruħna li ser nixtruh.

Jekk il-prodott li nirċievu ma jkunx bħal dak li nkunu qbilna fuqu meta sar il-bejgħ, il-bejjiegħ ikollu ċ-ċans li jirranġa l-ordni li jkun għamel jew jekk dan ma jkunx possibli jrid jagħti rifużjoni tal-flus imħallsa. F’sitwazzjonijiet hekk, l-ispejjeż tal-posta għandhom jitħallsu mill-bejjiegħ minħabba li l-iżball ikun sar min-naħa tiegħu.

Apparti  dawn id-drittijiet għandna wkoll id-dritt għall-perjodu ta’ rtirar (cooling-off period). Dan għaliex xiri ta’ dan it-tip hu meqjus bħala xiri mill-bogħod.  Il-perjodu ta’ rtirar jibda jgħodd minn meta nirċievu l-prodott u jibqa’ jgħodd sa 14-il ġurnata. Matul dan il-perjodu, il-konsumatur ikollu d-dritt li jibgħat il-prodott lura mingħajr ma jagħti raġuni għalfejn qed jagħmel dan u bi dritt għandu jingħata flusu lura. F’każijiet hekk il-ħlas tal-pustaġġ tal-oġġett lura għand il-bejjiegħ irid  jiġi mħallas mill-konsumatur. Iżda, jekk il-konsumatur ma jiġix infurmat b’dawn l-ispejjeż qabel ma jikkonkludi x-xiri, huwa l-bejjiegħ li jkollu jħallas għat-trasport lura tal-oġġett. 

F’każ ta’ servizzi l-perjodu ta’ rtirar  jispiċċa 14-il ġurnata wara d-data ta’ meta jsir il-kuntratt tax-xiri. Iżda, jekk naqblu li nikkunsmaw is-servizz kollu qabel ma jgħaddu l-14 -il ġurnata id-dritt tal-kanċellament ma jibqax japplika.  Però f’dan il-każ għandna nkunu nfurmati li jekk niddeċiedu li nieħdu s-servizz kollu ser nitilfu d-dritt għall-irtirar hekk kif is-servizz kollu jiġi pprovdut.  Kemm fil-każ tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi, jekk ma niġux infurmati biż-żmien ta’ rtirar, dan jiġi estiż għall-sena jew inkella jibda jgħodd minn meta niġu nfurmati li għandna dan id-dritt. 

Importanti wkoll li nżommu f’moħħna li qabel nikkonkludu x-xiri għandna  ningħataw bil-miktub din l-informazzjoni li ġejja: isem u indirizz tal-bejjiegħ, deskrizzjoni tal-prodott jew servizz mixtri, il-prezz totali li rridu nħallsu inkluż it-taxxi u l-ispejjeż addizzjonali (bħall-trasport), kif għandu jsir il-ħlas u meta ser nirċievu l-prodott. Rigward servizzi, għandna niċċekjaw meta dawn ser ikunu installati jew ipprovduti u għandna nistaqsu wkoll dwar id-dritt u l-proċedura tal-kanċellament.

Meta niltaqgħu ma’ xi problema, l-ewwel għandna dejjem nikkuntattjaw lill-bejjiegħ u nippruvaw insibu soluzzjoni amikevoli. Jekk ma jirnexxilniex, nistgħu nikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex tkun tista’ tgħina fl-ilment tagħna.

Sport