Sunday, December 22, 2024

TOGĦMA TAŻ-ŻJARAT FIR-RABA’ DISTRETT

Aqra wkoll

Ilni sena li aċċettajt it-talba li kien għamilli l-Prim Ministru Robert Abela sabiex nikkontesta fuq ir-raba’ distrett. Distrett li huwa kompost mill-ħames lokalitajiet: Raħal Ġdid, Tarxien, Fgura, Santa Luċija u Gudja. Għalkemm kollha jinsabu viċin xulxin u anke jmissu ma’ xulxin, wieħed mill-ewwel jinduna li huma differenti u bil-karatteristiċi tipiċi tagħhom. Il-Fgura u Santa Luċija huma żewg lokalitajiet moderni filwaqt li t-tlieta l-oħra għandhom storja twila li tmur lura ħafna snin. 

Illum għandi l-privileġġ li qiegħed ngħix l-esperjenza f’dawn l-irħula. Iltqajt ma’ ħafna nies kemm fiż-żjarat li nagħmel fid-djar kif ukoll f’xi okkażżjonijiet oħra tal-lokalitajiet rispettivi. Fis-sajf li għadda għalkemm b’mod ristrett dort il-festi u kien ta’ sodisfazzjon niltaqa’ mal-membri tal-kumitati li jorganizzaw il-festi. L-għaqdiet għadhom b’saħħithom ħafna hawn Malta. Bix-xogħol tagħhom iżommu l-ħajja komunali ħajja kif ukoll ċertu tradizzjonijiet Maltin li ilna ngawduhom għal bosta snin. Dawn l-għaqdiet qegħdin iservu wkoll ta’ żvog li kull min jifrekwentahom, kif ukoll post fejn wieħed jista’ juża l-ħin tiegħu biex juri t-talent tiegħu. Ikolli ngħid li l-għaqdiet huma forma oħra tal-iskejjel tradizzjonali li nafu bihom illum. Dawn l-għaqdiet għaddew minn ħafna diffikultajiet matul il-pandemija minħabba r-restrizzjonijiet biex ma tinferixx l-imxija. Dawn ma setgħux jorganizzaw attivitajiet li minnhom jiġbru l-flus, pero’ ċertu spejjeż baqgħu hemm u riedu jaraw x’ser jagħmlu biex ikampaw. L-għaqdiet kellhom iduru għal ideat ġodda biex jibqgħu jdawru r-rota imma issa li l-każini reġgħu fetħu qed jerġgħu jilqgħu fi ħdanhom lill-membri u nies oħra frekwenti magħhom biex nerġgħu nibdew il-ħajja lejn in-normalità li  konna mdorrijin biha qabel il-pandemija.

Dawn il-lokalitajiet għandhom sens sportiv li jinħass ħafna. L-iktar sports favorit bla dubju huwa l-futbol imma hemm iktar dixxiplini sportivi li jiġu prattikati. Il-Hibs, Gudja u Santa Lucia jinsabu fil-Premier, filwaqt li Tarxien u Fgura fl-ewwel divizzjoni. Sodisfatt immens bit-tfal b’talent li hemm tilgħin f’dawn il-klabbs. Dawn il-klabbs investew fil-facilitajiet sportiv tagħhom kif ukoll fin-nursery b’numru ta’ coaches kwalifikati jieħdu ħsieb lill-plejers ċkejknin li tilgħin.

Il-knejjes ukoll huma opri ta’ arti li ilhom mibnijin snin twal ilu. Tal-Fgura tibqa’ dik partikolari minħabba l-għamla tagħha li hija waħda oriġinali f’pajjiżna. L-oħrajn imbagħad issib ħafna arti u tiżjin li jimlew dawn it-tempji b’rikezzi imprezzabli. Fl-opinjoni tiegħi l-knisja ta’ Santa Luċija hija l-iktar waħda f’ambjent ta’ paċi fejn wieħed jista’ jitlob. Dan minħabba s-sempliċità li biha hija mibnija l-binja imma wkoll għax l-atmosfera hija wahda serena ħafna. Xi ħaga li laqtitni f’kull lokalità hija l-ammont ta’ voluntiera midħla tal-knejjes u l-festi li jqattgħu ħafna hin b’passjoni kbira bl-għan ewlieni jkun il-ġimgħa tal-festa.

Fuq kollox dawn il-lokalitajiet jixhdu l-ħajja tradizzjonali Maltija. Il-bżulija tal-ħaddiema li jmorru jagħmlu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom biex jaqilgħu l-għajxien u jgħixu ħajja diċenti. Il-ġenituri u n-nanniet li jindukraw lil uliedhom f’dak kollu li jkollom bżonn. L-edukazzjoni fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ kull familja. Niddiskuti dan kuljum fiż-żjarat tal-familji fejn tista’ tgħid li d-diskors jaqa’ fuq l-iskola u l-edukazzjoni ta’ wliedna. Imbagħad l-mentalità llum qiegħda iktar favur li t-tfal wara l-iskola nibagħtuhom f’xi attività ekstrakurrikulari sabiex jitgħallmu xi dixxiplina sportiva jew jeżerċitaw xi talent. Numru mdaqqas tal-kostitwenti tar-raba’ distrett huma l-anzjani. Mingħandhom nitgħallem ħafna għax huma persuni li ma jiddejqu xejn jaqsmu l-esperjenzi tagħhom miegħi. Illum il-ġurnata l-mentalità qed tinbidel ukoll lejn anzjanità attiva u tarahom jibqgħu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti. B’mod ġenerali l-anzjani huma kuntenti ħafna bix-xogħol li wettaq dan il-Gvern speċjalment biż-żidiet li tajna sena wara sena fil-penzjonijiet. 

Minkejja dan kollu li semmejt, f’dawn il-lokalitajiet għad hemm problem li jridu jiġu indirizzati. L-ilmenti tan-nies mhumiex fil-mod wiesgħa tagħhom personalizzati imma jmorru iktar lejn issues ġenerali biex intejbu l-kwalità tal-ħajja. Illum huma l-ftit li jitolbu x-xogħol għax jinsabu qiegħda imma iktar jistaqsuni kif jistgħu jsarrfu xi kwalifika li jkunu akkwistaw biex ibiddlu x-xogħol u jsibu xogħol aħjar. 

Kulħadd jiftakar li dawn il-lokalitajiet kienu jbagħtu minn trab iswed u arja iktar imniġġsa. Kemm ilu l-Partit Laburista fl-Gvern, peress li biddilna l-power station u anke saru proġetti massiċċi ta’ konnettività, l-arja llum hija iktar nadifa u naqas il-mard respiratorju. Illum iktar qed inħarsu kif jista’ jkollna iktar spazji miftuħa fejn il-familji u l-anzjani jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità. Problema generali hija l-ispazji limitati tal-parkeġġ li nemmen li bi ftit ħsieb nistgħu nindirizzaw din il-problema. 

Il-Kunsilli Lokali jwettqu ħafna xogħol sabiex jaqdu lir-residenti rispettivi taghhom u ninsab ħerqan li nkun nista’ naħdem iktar magħhom biex flimkien inwettqu iktar ħidma għall-ġid tal-lokalitajiet u r-residenti kollha. Dan il-Gvern diġà indirizza l-problema li ċertu proġetti ma kienx possibbli li jsiru minħabba li l-allokazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija zgħira wisq, daħal għalihom hu u qegħdin jitwettqu. Qiegħed nirreferi għal ċertu toroq arterjali u anke residenzjali li qed isirilhom wiċċ ġdid ta’ tarmak. Jien li għandi esperjenza bħala Sindku, nemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-Kunsilli Lokali u nemmen li għandhom jingħataw iktar poteri biex isarrfu iktar xogħol dirett fil-lokalitajiet.

Wara li ilni ħafna xhur niltaqa’ mal-kostitwenti kuljum, nirrikonoxxi lil dawn il-lokalitajiet kif ukoll lir-residenti. Onorat li aċċettawni mill-ewwel u ż-żmien għaqqadna iżjed flimkien. Illum konxju ta’ dak li għandna fid-distrett kif ukoll ta’ problem li rridu nindirizzaw. Illum qiegħed f’pożizzjoni li nista’ nfassal politika li ttejjeb il-ħajja ta’ dan id-distrett u nkun il-vuċi li twassal il-leħen ta’ kull resident. 

Kuntent li qiegħed nagħmel dan kollu, b’lealtà assoluta lejn il-Mexxej u l-Prim Ministru Robert Abela u preparat li naħdem id f’id miegħu biex ngħinu jwettaq il-viżjoni li għandu għal pajjiżna. 

Il-Ħadd it-tajjeb.

Ekonomija

Sport