Saturday, October 12, 2024

Ton Ton Laferla jirbaħ ir-Royal Malta Yacht Club Twilight Race Series

Aqra wkoll

Il-jott ta’ Jonathan Gambin, Ton Ton Laferla bħala r-rebbieħ ċar tar-RMYC Twilight Series ta’ din is-sena, meta rebaħ tlieta mill-erba’ tiġrijiet li saru matul is-sajf.

Fit-tieni post kien Juniper, ta’Brian Flahive li kellu wkoll wirja konsistenti għal ħafna mis-Serje. Pep ta’ Mark Camilleri, kiseb it-tielet post, li minkejja li ma tantx kellu bidu tajjeb, rebħa fl-aħħar tiġrija rat lilu u lill-ekwipaġġ tiegħu jieħdu posthom fuq il-podju tal-klassifika ġenerali.

L-RMYC Twilight Series ikkonkludiet b’suċċess nhar l-Erbgħa wara nofsinhar meta saret ir-raba’ u l-aħħar tiġrija. Is-serje ferm mistennija, li żvolġiet fl-isfond mill-isbaħ ta’ nżul ix-xemx, ġabret flimkien dilettanti tal-ibburdjar għal serje ta’tlielaq f’nofs il-ġimgħa.

Is-Serje ġibdet baħrin ta’ kompetenza differenti fil-kategoriji ta’Racers u Cruisers għal tlielaq qosra f’inżul ix-xemx. Is-Serje ma kinitx biss wirja ta’ ħila nawtika iżda wkoll ċelebrazzjoni tal-passjoni għall-ibburdjar.

“Soddisfatti ħafna bis-suċċess ta’ din is-Serja,” irrimarka David Cremona, Commodore tar-Royal Malta Yacht Club. “L-edizzjoni ta’ din is-sena wriet li kienet aktar popolari mis-soltu, bi flotta b’saħħitha u konsistenti tieħu sehem f’kull tiġrija”

Ir-Royal Malta Yacht Club estenda l-apprezzament lill-parteċipanti, voluntiera, u staff kollha li kkontribwew għas-suċċess ta’ dan l-avveniment, partikolarment it-tim tat-Tlielaq immexxi minn Michelle Caruana u li kien jinkludi lil Martin Azzopardi, Luca Lacitignola, Neity Lloyd Maddock u Piero Picone.

Il-preżentazzjoni tal-premijiet ser issir fit-13 ta’ Settembru fis-7pm fir-Royal Malta Yacht Club.

L-impenji li jmiss għall-RMYC huma r-Regatta ta’ Lampedusa li hija meqjusa bħala opportunità ta’ taħriġ tajba għall-ekwipaġġi li qed jikkompetu fir-Rolex Middle Sea Race li ssir f’Ottubur. Ir-Regatta se ssir fi tmiem il-ġimgħa tas-7 ta’ Settembru.

Aktar informazzjoni dwar il-kalendarju tal-Club jinsab fuq is-sit elettroniku https://rmyc.org/races/

Sport