Friday, December 20, 2024

Tonqos għal sebat ijiem il-kwarantina għal dawk imlaqqma b’mod sħiħ

F’Settembru se jingħata booster għal dawk b’immunità dgħajfa u residenti fid-djar tal-anzjani

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dawk il-persuni li jkunu kompletament imlaqqmin, għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin u li jiġu f’kuntatt ma’ persuna pożittiva, mis-16 ta’ Awwissu li ġej, minflok kwarantina ta’ 14-il ġurnata jistgħu jagħmlu kwarantina ta’ sebat’ijiem. Dan jekk kemm-il darba jirriżultaw negattivi fis-seba’ jum tal-kwarantina. Min mhux kompletament imlaqqam tibqa’ ta’ 14-il ġurnata. 

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza dalgħodu flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat li l-kwarantina ta’ 7 t’ijiem għal persuni li għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma tapplikax għal min ikun pożittiv għal COVID-19, għal min qed jgħix fl-istess residenza ma’ persuna pożittiva, għall-persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet, u fil-każ tal-kwarantina marbuta mal-ivvjaġġar. 

Hija spjegat li min hu eliġibbli għall-kwarantina r-ridotta jisa’ japplika għall-iswab test minn fuq https://covidtest.gov.mt/ u li għall-appuntament għandhom ikunu ppreżentati l-ittra tal-kwarantina, iċ-ċertifikat tal-vaċċin u dokument ta’ identifikazzjoni.

Fearne sostna li l-varjant Delta huwa dak predominanti mad-dinja kollha u dan il-varjant qiegħed jikkawża numri kbar ta’ każijiet ġodda kuljum.

Id-Deputat Prim Ministru qal li llum kelna 78 każ ġdid u rkupraw 204 persuni. B’dan il-mod il-każijiet attivi niżlu għal 1,206. Qal li 95% tal-każijiet il-ġodda huma minħabba l-varjant Delta.

Id-Deputat Prim Ministru qal li d-differenza bejn pajjiżi oħra hija l-livell ta’ tilqim. Qal li dawk il-pajjiżi fejn il-maġġoranza tan-nies huma mlaqqmin is-sistema ta’ saħħa tagħhom għadha qed timxi b’mod li jkun jista’ jiġi offrut servizz ta’ saħħa lil kulħadd. Qal li minn naħa l-oħra, fejn it-tilqim mhux għaddej b’rittmu mgħaġġel, il-varjant Indjan qed iħalli sitwazzjonijiet serji ħafna anke fis-sistema ta’ saħħa fejn sfortunatament qed iwassal anke għall-imwiet.

68% tat-tfal bejn it-12 u l-15-il sena ħadu mill-inqas l-ewwel doża

Qal li f’Malta l-livell ta’ tilqim huwa għoli ħafna fejn 86% tal-adulti huma mlaqqma kompletament u 88% tal-adulti f’Malta ħadu mill-inqas l-ewwel doża. Żied jgħid li 68% tat-tfal bejn it-12 u l-15-il sena ħadu mill-inqas l-ewwel doża waqt li 39% minnhom huma kompletament imlaqqma.

Mara ta’ 88 sena tmut waqt li kienet pożittiva għall-Covid-19

Semma’ kif ftit minuti qabel il-konferenza tal-aħbarijiet, mara ta’ 88 sena mietet wara li xi jiem ilu kienet irriżultat pożittiva għall-Covid. Qal li bħalissa hemm 35 persuna li qed jieħdu l-kura fl-Isptar u huma pożittivi għall-Covid-19 fejn erba’ minnhom huma fl-ITU. Qal li jidher ċar li dawk il-persuni li huma morda serjament huma dawk il-persuni li mhux imlaqqmin. Fil-fatt, tliet persuni li jinsabu fl-ITU mhumiex imlaqqma, fosthom mara li hija tqila. 

Tnaqqis fir-restrizzjonijiet

Id-Deputat Prim Ministru qal li wieħed għandu jibqa’ dejjem kawt. Qal li peress li għandna daqstant nies imlaqqmin u jidher ċar li t-tilqima taħdem, qegħdin f’pożizzjoni fejn minkejja li għandna numru mhux baxx fil-komunità, m’għandniex għalfejn inżidu r-restrizzjonijiet. Qal li mhux biss m’għandniex għalfejn inżidu r-restrizzjonijiet, talli nistgħu nkomplu nnaqsu mir-restrizzjonijiet.

Id-Deputat Prim Ministru qal li fejn jidħlu l-avvenimenti organizzati, bħalissa huwa permessibbli li jsiru għal dawk li għandhom ċertifikat tal-vaċċin u dawn l-attivitajiet bilqiegħda jistgħu sal-lum isiru fi cluster ta’ 200 ruħ.

Mis-16 ta’ Awwissu n-numru ta’ 200 se jitla’ għal 300 persuna filwaqt li jibqgħu bl-istess protokolli. Imbagħad mit-30 ta’ Awwissu, in-numru ta’ kull cluster jitla’ għal 500. Qal li dan ifisser li jistgħu jsiru avvenimenti b’mod kontrollati għal min huwa vaċċinati u b’mod li tibqa’ tiġi rispettata d-distanza soċjali. 

Semma li restrizzjoni oħra li jistgħu jnaqqsu hija dik ir-restrizzjoni li hija assoċjata għal min ikun f’kuntatt ma’ każ pożittiv, kif ġie msemmi fil-bidu tal-artiklu.

Id-Deputat Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-booster fejn qal li f’dawn il-ġranet kellhom diskussjonijiet mal-esperti. Qal li ħarsu lejn erba’ konsiderazzjonijiet fosthom il-livell ta’ immunità fil-komunità tagħna biex jaraw jekk wara sitt xhur hux qed tonqos l-immunità. Qal li sa issa ma jirriżultax li hemm din it-tnaqqis sinifikanti ta’ min ħa t-tilqima sitt xhur ilu. Semma’ li qed iħarsu lejn l-effettività tal-vaċċin mhux biss fil-popolazzjoni inġenerali imma anke f’dawk il-persuni li jista’ jkun ma jkunux kapaċi jibnu l-immunità li jbatu minn ċertu kundizzjonijiet. 

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li qed iħarsu lejn fatturi soċjali u l-varjanti. Qal li d-deċiżjoni li ħadu issa, li tista’ tiġi riveduta skont informazzjoni li jkollhom, hija li minn nofs Settembru se jagħtu booster waħda lil dawk li huma immunocompromised u dawk ir-residenti fid-djar tal-anzjani. Dawk il-persuni li huma immunocompromised se jirċievu invit bil-posta bid-data, il-post u l-ħin fejn jistgħu jieħdu l-booster. Dawk il-persuni li huma residenti fid-djar tal-anzjani se jagħtuhom it-tilqima fir-residenza.

Dwar in-nisa tqal, intqal li issa qed jidher li r-riskju li ma tieħux it-tilqima huma ħafna għola mir-riskju tat-tilqima innifisha. Għalhekk il-parir huwa li dawk in-nisa tqal li jinsabu fit-tieni u t-tielet trimestru, jistgħu jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 fuq parir tat-tabib tagħhom.

Ekonomija

Sport