Saturday, November 23, 2024

“Tony wieżen fija valuri trejdunjonistiċi u kont inqisu n-nannu tiegħi”

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja dwar it-telfa tat-trejdunjonista Anthony Busuttil

YouTube video

“Jien għalija Tony ma kienx biss il-persuna li wieżen fija valuri trejdunjonistiċi imma kont inqisu n-nannu tiegħu.”

Hekk sostna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta mitlub minn dan il-ġurnal jirrakkontalna x’memorji għandu tat-trejdunjonista Anthony Busuttil, li ħalliena lbieraħ fl-età ta’ 89 sena. 

Busuttil kien miżżewweġ lil Mary u kellu tifla. Ta’ 15-il sena huwa daħal jaħdem ma’ dik li kienet magħrufa bħala His Majesty Dockyard. Huwa beda l-apprentistat tiegħu fid-Dipartiment tal-Inġinerija.

Fl-1977, il-Kunsill Nazzjonali tal-GWU għażlu biex ikun Segretarju tat-Taqsima Metall. Huwa baqa’ jokkupa din il-kariga sa ma rtira bl-età fl-1992. Fl-1981 huwa kien wieħed mill-fundaturi taċ-Ċentru għall-Iżvilupp u l-Parteċipazzjoni tal-Ħaddiema (WPDC) fl-Università ta’ Malta. 

Huwa serva għal diversi snin bħala membru fil-bord tat-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru u mal-irtirar tiegħu mid-dinja tax-xogħol huwa nħatar membru onorarju tal-istess bord. 

Apparti minn hekk, huwa kien inħatar bħala membru onorarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni u għal dawn l-aħħar snin kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-GWU.

Fil-kummenti tiegħu, is-Sur Bugeja qal li f’ismu u f’isem il-GWU xtaq iwassal il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Anthony Busuttil. Huwa fakkar kif Tony kien regolarment jitkellem magħhom dwar l-esperjenzi tiegħu u anke fuq il-familja tiegħu li tant kienet għażiża għalih. 

Huwa kompla billi ddeskrivih bħala bniedem li għex it-tbatijiet fl-istess waqt li għaraf u baqa’ attiv fit-trejdunjoniżmu sakemm baqgħet tippermettilu saħħtu. 

Tkellimna wkoll mal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb u qalilna li l-memorja ta’ Anthony Busuttil żgur li wieħed ma jistax jinsieha. “Kellu karattru li jaf jirrispetta u naħseb li l-General Workers’ Union speċjalment l-Għaqda Pensjonanti ġarrbet telfa kbira.” 

“Ħdimt miegħu u tgħallimt mingħandu. Iċċajtajna ħafna. Pero’ kien raġel li ħadem ħafna għall-ħaddiema anke fi żminijiet diffiċli,” qalilna l-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU.

L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU ssellem il-memorja ta’ Anthony Busuttil

Intant, l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU wriet is-sogħba tagħha għall-mewt tas-Segretarju tal-Għaqda, Anthony Busuttil. “L-Għaqda Pensjonanti ssellimlu u tfakkar is-servizz twil li ta kemm fil-GWU kif ukoll għal ħafna snin bħala Segretarju tal-Għaqda tal-Pensjonanti b’risq il-pensjonanti Maltin kollha.” 

Il-Kumitat tal-Għaqda tal-Pensjonanti f’isem il-membri kollha wassal il-kondoljanzi lill-familja tas-Sur Busuttil b’mod partikolari lil martu u lil bintu. “Tony Busuttil se jibqa’ mfakkar għal ħidma twila tiegħu fl-Għaqda tal-Pensjonanti wkoll f’età hekk kbira u troddlu ħajr tas-servizz kollu li ta.”

Sport