Thursday, December 26, 2024

Tork juri apprezzament għall-kura u l-assistenza li ngħata Malta wara li weġġa’ bil-mutur

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Tork li jgħix Malta u li dan l-aħħar kien involut f’inċident bil-mutur, wera l-apprezzament tiegħu għall-għajnuna li ngħata kemm minn Malta u anke mit-Turkija biex seta’ jirritorna d-dar. 

Ir-raġel ta’ 34 sena, Cem Kofoglu kellu inċident bil-mutur f’Malta fit-2 ta’ Mejju, meta waqa’ f’ħofra waqt li kien qed idur f’kisra qawwija. Jidher li fl-inħawi kien il-Pulizija li sabuh u sejħu minnufih għal tim mediku li tah l-għajnuna. 

Wara li saritlu operazzjoni, kien hemm tabib li qallu li ma setax iqum sa erba’ jew ħames ġimgħat, filwaqt li staqsieh jekk kellux lil xi ħadd biex jieħu ħsiebu. Kofoglu qal ukoll li t-tabib qallu li ma setax jibqa’ l-isptar minħabba l-Coronavirus u li ried jikri infermiera. 

Ir-raġel qal li anke t-titjiriet jinsabu sospiżi u peress li jgħixu waħda allura ddeċieda li jċempel lill-ambaxxata Torka f’Malta biex jiggwidawh. Jidher li fil-kwistjoni daħal anke l-Ministeru tas-Saħħa Tork li wieġbu wara biss sagħtejn li kien bagħat email. 

Saħaq li l-Ministeru ħaffef il-proċess, filwaqt li l-ambaxxatur Tork f’Malta, Kerem Kiratli ċempillu biex jara kif inhu. Jistqarr li anke l-uffiċjali tal-ambaxxata baqgħu jagħtu l-appoġġ kollu li kellu bżonn. Kien imbagħad nhar il-Ħamis li għadda li Kofoglu ttieħed lejn it-Turkija permezz ta’ ambulanza tal-ajru. 

It-Tork għamilha ċara li ngħata l-aqwa kura fl-Isptar Mater Dei. Qal li ma jafx jekk dan hux għax kien involut il-konsulat, iżda sar proċess inkredibbli u l-ħin kollu kellu lil min jieħu ħsiebu. 

Irrikonoxxa wkoll li ġie mistoqsi dwar jekk kellux dieta differenti minħabba r-Ramadan, biex ikun jista’ jingħata ikel differenti. Qal li din kienet xi ħaġa sensittiva li hu apprezza mmens. 

Intant, hu spjega li meta sar jaf li għandu xahar fis-sodda, xtaq li jqattgħu mal-qraba tiegħu fit-Turkija. Qal li malli ttieħed fi sptar fit-Turkija, hemm ukoll ingħata servizz eċċellenti u minkejja l-uġigħ minħabba d-diversi ksur, xorta ħassu sodisfatt.

Għaldaqstant, ir-raġel wera l-apprezzament tiegħu lejn iż-żewġ pajjiżi fejn qal li ħadu ħsiebu bl-aqwa mod. Ħassu ferm kuntent li l-Ministeru tas-Saħħa ta’ pajjiżu bagħat ambulanza bl-ajru proprju għalih, u dan f’qasir żmien. 

Ekonomija

Sport