Fit-Tielet ġurnata tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta li saret fuq iċ-ċirkwit ta’ 5km f’Ta’ Pinellu, l-Mellieħa fejn l-Elite għamlu 10 dawriet, filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu 7 dawriet rat issa żewġ liders ġodda b’Simone Cerio u Etienne Bonello jsiru liders rispettivi tal-Elite u Master, mentri Jessica Pratt tibqa tiddomina l-kategorija tal-Nisa
Il-kategorija tal-Elite reġgħet intrebħet mill-Isvizzeru Nicola Schleuniger ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team li ddomina it-tiġrija fejn spiċċa rebbieħ f’ħin ta’ 1:46.57, vantaġġ ta’ 33 sekonda fuq sieħbu Heorhii Antonenko wkoll ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team u bl-istess ħin ta’ 1:47.30 spiċċa Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike. B’dan il-ħin, Cerio sar il-lider il-ġdid tat-Tour fejn issa fetaħ vantaġġ ta’ 15 il-sekonda fuq Bernard Galea ta’ The Cyclist/Agones.
Fil-kategorija tan-Nisa reġgħet spiċċat rebbieħa l-Maltija/Awstraljana Jessica Pratt tat-Team Greens f’ħin ta’ 1:33:36 f’ħarba li għamlet fit-telgħa biex issuperat b’21 sekonda lil Mathilde Pauls ta’ FTP RACING (UK). Marie Claire Aquilina tat-Team Greens spiċċat it-tielet f’1:34:31. Fil-klassifika ġenerali Pratt żammet il-flokk l-aħmar tal-ewwel post b’ħin totali ta’ 1:51:37, vantaġġ ta’ 28 sekonda fuq Mathilde Pauls.
Fil-kategorija tal-Masters, ħareġ rebbieħ Etienne Bonello tat-Team Greens fi sprint finali f’ħin ta’ 1:23:25, żewġ sekondi vantaġġ fuq David Michinson ta’ Cinnamon Cafe Saddle Drunk Race Team. Joaquin Rojas tat-Team Greens daħal fit-tielet pożizjoni f’ħin ta’ 1:23:28. B’dan ir-riżultat Etienne Bonello issa hu l-lider ta’ din il-kategorija. Sekonda waħda vantaġġ fuq sieħbu Joaquin Rojas.
Fi tmiem dan l-istadju, David Agius, Shadow Minister għall-Isport ippreżenta l-midalji lir-rebbieħa u l-flokkijiet il-ħomor lil liders. Dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.
Preżentazzjoni oħra saret minn Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu lil Charles Camenzuli bil-Merit Award tat-Tour, filwaqt li l-Cliff Micallef Merit Award ser tingħata lil Mario Bonnici bħala apprezzament għas-sapport ġurnalistiku tagħhom matul is-snin lil dan it-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu.
It-Tour ta’ Malta jispiċċa għada l-Ħadd 14 ta’ April 2024, bl-aħħar tappa, tiġrija li ser issir f’Għawdex fuq iċ-ċirkwit ta’ 3.2km fit-Triq Għajn Qasab, fir-rotta tar-Ramla l-Ħamra fin-Nadur. L-Elite ser jagħmlu 12 il-dawriet, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 6 dawriet. It-tluq ser ikun fid-9:00 ta’ filgħodu. Din hija l-ewwel darba li t-Tour ta’ Malta ser jintemm f’Għawdex u li ċ-ċerimonja finali ser issir hemm ukoll.