L-Istati Uniti waslet fi ftehim mar-Russja biex tinħeles l-atleta famuża Brittney Griner li kienet priġuniera fir-Russja fi tpartit mal-priġunier Russu, Viktor Bout. Bout huwa kriminal magħruf li nstab ħati ta’ traffikar ta’ armi magħruf bħala n-“negozjant tal-mewt” u kien ilu maqful f’ċella fl-Istati Uniti għal dawn l-aħħar 12-il sena.
Il-President Amerikan Joe Biden ta’ prijorità l-ħelsien ta’ Griner wara li din kienet ilha 10 xhur f’ħabs fir-Russja minħabba każ ta’ drogi. F’indirizz li ta fil-White House Biden ħabbar li dan it-tpartit ta’ priġunieri sar Abu Dhabi fejn żied jgħid li l-mara tinsab tajba u b’moral għoli.
“Tinsab sigura u se tirritorna lura d-dar wara li kienet ilha x-xhur miżmuma inġustament fir-Russja. Brittney daqt tkun mal-għeżież tagħha,” spjega Biden. Fl-istess ħin il-President Amerikan stqarr li jiddispjaċih ħafna li l-ftehim mar-Russja ma nkludiex lil Paul Whelan, membru eżekuttiv għoli ta’ kumpanija li ilu priġunier minn Diċembru tal-2018 fuq akkużi ta’ spjunaġġ. L-akkużi fil-konfront ta’ Whelan huma miċħuda kemm mill-familja tiegħu, kif ukoll mill-gvern Amerikan.
Fir-rigward Biden qal li, “sfortunatament ir-Russja qiegħda titratta l-każ ta’ Paul b’mod differenti minn dak ta’ Britteny. Minkejja li għad ma kellniex suċċess biex neħilsu il Paul, aħna m’aħniex se naqtgħu qalbna”.
Huwa rrapportat li Griner fuq it-titjira lura tagħha fl-Istati Uniti dehret emozzjonata ħafna u esprimiet gratitudni kbira lejn Biden u l-amministrazzjoni tiegħu għall-għajnuna kollha li tawha.