Tuesday, November 19, 2024

TRADIMENT TAL-KUXJENZA GĦAL DARBA OĦRA

Aqra wkoll

Quddiem dak li qed jiġri f’Gaża – il- ġenoċidju li qegħdin naraw b’mod kontinwu ta’ imwiet ta’ tfal, nisa, anzjani u persuni innoċenti, jidher li għadu mhux imiss il-kuxjenza tal-Istati Uniti.

Għal darba oħra rajna lill-Istati Uniti ma tagħmilx il-parti tagħha favur il-kawża Palestinjana u favur il-poplu Palestinjan biex finalment dawn ikunu nazzjon. Dan hu wieħed mill-passi importanti li jista’ jwassal biex itemm il-kunflitt, imma għal darba oħra l-Istati Uniti kienet fuq in-naħa opposta tal-poplu Palestinjan.

Proprju fl-aħħar sigħat, l-Istati Uniti għal darba oħra użaw il-veto biex jivvotaw kontra l-isħubija tal-Palestina fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. F’dak il-vot, kellek ir-Renju Unit jastjenu, flimkien mal-Iżvizzera, waqt li l-Istati Uniti użaw il-veto biex finalment taqa ir-riżoluzzjoni li tresset. Malta flimkien ma’ 12-il pajjiż ivvutaw favur l-isħubija tal-Palestina.

Quddiem dan l-atteġġjament tal-Istati Uniti, ma nistgħux ma nirrimarkawx li dan hu atteġġjament li juri li l-Istati Uniti qed tistma lill-Palestinjani bħala tat-tieni klassi. Minkejja appoġġ għal kawża Palestinjana minn għadd kbir ta’ pajjiżi, l-Istati Uniti tibqa’ miexja bil-politika tagħha, li tibqa’ titfa’ lura lill-Palestinjani.

Kif tista’ taħdem bħal paċi fil-lvant nofsani meta imbagħad tiġi riżoluzzjoni bħal din, li l-poplu Palestinjan ilu jiġġieled għalih. Dik li jkun independenti u jkun nazzjon. Għaliex l-Istati Uniti qed tibqa’ tħaddan din il-politika tal-mistħija. Għaliex il-poplu Palestinjan qed jibqa’ jiġi trattat b’dan il-mod.

Ejja ngħiduha kif inhi. Il-vot fit-18 18 ta’ April biex l-Istat Palestinjan jingħata sħubija sħiħa fil- Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jenfasizza it-tfittxija u l-ġlieda tal-poplu Palestinjan għall- indipendenza u biex ikun nazzjon.

Il-veto tal-mistħija mit-tmexxija tal-Istati Uniti, kien ifisser b’mod ċar ħafna li għal darba oħra l-Istati Uniti poġġiet lila infisha kontra l-maġġoranza kbira tal-komunità globali. Din hi kwistjoni ta’ kuxjenza. Din hi kwistjoni fejn qegħin naraw ġenoċidju. Fejn qegħdin naraw nies innoċenti jinqatlu għal xejn. Gwerra u kunflitt li ilha għaddejja minn l-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.

Aktar minn sitt xhur ta’ attakki li ħallew vittmi innoċenti. Bl-azzjoni tagħha l-Istati Uniti, mhux biss qiegħda toħloq l-astakoli u tfixkel l-aspirazzjonijiet tal-poplu Palestinjan. U x’inhuma l-argumenti? Argumenti pwerili għall-aħħar. Qegħdin jintefgħu dubji fuq il-ħila tal- Palestinjani li jiggvernaw. Dak li qiegħda tagħmel l-Istati Uniti mhu xejn għajr ksur tad-drittijiet umani tal-Palestinjani.

Fuq kollox b’dak li qed isir, li qed jiġri hu li l-kunflitt se jibqa’ għaddej. Se jibqa’ jiħrax u se jkun hemm aktar vittmi.L-argument li spiss isir li hu marbut mal-paċi hu dak li jkun hemm żewġ stati. Dak Iżaeljan u dak Palestinjan. Din hi meqjusa bħala l-unika triq lejn paċi dejjiema.

Qegħdin fi żmien meta l-forzi militari Iżraeljani għadhom f’Gaża. Qegħdin fi żmien meta l-attakki mistennija ikomplu b’ebda indikazzjoni meta din il- gwerra se tintemm. Nemmnu li llum aktar minn qatt qabel il-Palestina għandha tiġi aċċettata bħala membru sħiħ tan- Nazzjonijiet Uniti.

Nemmnu li wasal iż-żmien ukoll l-Istati Uniti ma tibqax taljena. Ma tibqax iġġib aktar skużi u argumenti li kulħadd jaf x’inhuma l-oriġini tagħhom u għaliex isiru. Nemmnu li l-Istati Uniti, għandha twarrab kull interess li għandha lil hinn mill-paċi, u terġa’ timbarka fuq it-triq li tkun fuq in-naħa li tiffavorixxi il-ġustizzja.

Li taħdem għall- paċi. Li taħdem għad-drittijiet umani. Tieqaf mit- tradiment tal-kuxjenza, li taf li dak li qed isir mhux xejn għajr qtil tal-innoċenti.

Ekonomija

Sport