Sunday, December 22, 2024

“Tradizzjonijiet bħal dawn m’għandhom jinqatgħu qatt”

- is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri dwar il-Wirja Agrarja

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Kellna attendenza tajba ħafna l-aktar wara li t-temp ippermetta. Kburi li għal sena oħra, attività bħal din li tirrikjedi ħafna xogħol, ħarġet ta’ suċċess. Kull raħal huwa uniku u għalhekk nemmen li tradizzjonijiet bħal dawn fir-raħal tagħna m’għandhom jinqatgħu qatt biex il-ġenerazzjonijiet futuri ikunu jafu kif kienet il-ħajja ta’ missirijietna u jitgħallmu japprezzaw il-ħajja kif kienet qabel ma avvanzat.”

Dan kien kliem is-Sindku ta’ Ħad-Dingli, Raymond Schembri f’kumment li ta lil dan l-ġurnal b’rabta mal-Wirja Agrarja li kienet organizzata lbieraħ f’din il-lokalità.

Ma’ dan il-ġurnal, huwa spjega x’kienu jinvolvu l-preparamenti biex jittella’ dan it-tip ta’ avveniment. Is-Sur Schembri qal li din l-attività tinvolvi xhur ta’ preparamenti. Spjega li l-ewwel ħaġa li ssir hija li tiġi approvata d-data tal-avveniment bi qbil mal-membri kollha tal-Kunsill Lokali.

Fost il-preparamenti l-aktar importanti hemm il-permessi kollha neċessarji, fost l-oħrajn il-permessi ta’ għeluq it-toroq u kif ukoll l-immaniġjar tat-traffiku u tal-karozzi għal dakinhar tal-Wirja Agrarja. Żied jgħid li permessi oħra jikkonsistu biex ir-raħħal jkunu jistgħu jġorru l-bhejjem tagħhom għal din il-wirja.

Is-Sindku irrimarka wkoll li jsiru diversi preparamenti minn ġewwa l-uffiċini tal-kunsill lokali. Dan hekk kif il-kunsill jieħu ħsieb l-kitba u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem u joħorġu kwotazzjonijiet għal min ikun qiegħed joffri diversi servizzi. Barra minn hekk, l-uffiċini jagħmlu ċert li jitqassmu posters u leaflets bieb bieb.

Fir-rigward tal-Wirja Agrarja fir-raħal pittoresk ta’ Ħad-Dingl, is-Sindku qal li din il-wirja ntlaqgħet tajjjeb, anke minn bosta turisti, fejn kellhom iċ-ċans li jaraw il-kompetizzjonijiet tan-nagħaġ u mogħoż. F’din l-attività kien hemm it-tberik tal-annimali. Barra minn hekk kien hemm ukoll, numru rekord fir-reġistrazzjoni tal-bhejjem, flimkien ma’ wirja tal-kompetizzjoni li tinvolvi tfal bejn 5 snin u 12-il sena, fejn fiha se jintgħażlu tliet tpinġijiet fuq it-temi lokali.

Il-pubbliku seta’ jisma wkoll kant, inkluż għana u makjetti Maltin. Kien hemm ukoll diversi stands li jesebixxu l-prodotti imkabbrin u maħdumin ġewwa l-lokalità ta’ Ħad-Dingli, bħal; ħxejjex, naħal u għasel Maltin, ġelat Malti u xogħlijiet magħmula bl-idejn bħal bizzilla u fuħħar. Kien hemm ukoll kollezzjoni ta’ muturi tal-ħart antiki u pitturi.

Is-Sindku qalilna wkoll li din il-Wirja Agrarja għall-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli huwa l-aktar avveniment importanti li jorganizza tul is-sena, għaliex bħala kunsill jibqgħu jippromovu it-tradizzjonijiet kemm tal-passat u kif ukoll tal-preżent. Spjega li l-Kunsill qed jaħdem b’kull mezz possibli sabiex Ħad-Dingli jibqa’ jżomm il-karatteristici tiegħu, anke permezz ta’ din il-Wirja Agrarja, karatteristiċi li jagħmlu Ħad-Dingli uniku.

Ekonomija

Sport