Thursday, June 13, 2024

Anke persuni tal-madwar bi bżonn ta’ sapport

Li tissapportja persuna qrib tiegħek li tkun għaddejja mill-vizzju tal-logħob tal-azzard mhi faċli xejn! Persuni tal-madwar kif għandhom iġibu ruħhom idealment f’ċirkostanzi bħal dawn?

Aqra wkoll

Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar kont qed nattendi għal intervista televiżiva fuq programm popolari fuq ix-xandir tal-istat u persuna partikolari kellha l-kuraġġ issaqsi kif l-aħjar li tissapportja lill-maħbub tagħha li għadha kemm saret taf li hu vvizzjat bil-logħob tal-azzard.

Naqbel li tali ċirkostanzi jġibu magħhom sfidi kbar, kemm għall-persuna vvizzjata per sè u kemm għal dawk il-persuni fil-viċin li tkun qed jimpatta bl-aġir u l-konsegwenzi li tali vizzju jġib. Nemmen bis-sħiħ li l-persuna li tkun għaddejja mill-vizzju għandha bżonn is-sapport, iva, imma nemmen ukoll li ANKE dawk il-persuni tal-madwar għandhom bżonn is-sapport ukoll!

Ersaq lejn il-maħbub/a tiegħek li għaddej/ja mill-vizzju b’empatija u esprimi l-ħsibijiet tiegħek rigward l-imġiba relatata mal-logħob tal-azzard. Uri li inti għandek il-benesseri tiegħu/tagħha tant għal qalbek u li se tagħmel minn kollox biex tissapportja biex il-vizzju jiġi megħlub. Evita li tipponta subgħajk, li tikkritika jew li twaħħal fih/fiha, hekk kif dan kollu jista’ jwassal għal sens ta’ difiża u reżistenza.

Issuġġerixxi li l-persuna tfittex sapport professjonali minn terapisti, counselors, psikologi jew saħansitra psikjatri, jew anke gruppi ta’ sapport (bħall-Gamblers Anonymous u/jew GamAnon). Offri li tassisti biex jinstabu riżorsi u tgħin biex isiru appuntamenti. Intervent professjonali jista’ jipprovdi l-gwida neċessarja u s-sapport għall-irkupru.

Stabilixxi boundaries biex tipproteġi lilek innifsek u lill-familja tiegħek mill-effetti negattivi tal-vizzju. Dan jista’ jinkludi li tnaqqas is-sapport finanzjarju, li tirrifjuta milli taċċetta ċertu mġiba, jew anke li tissapportja lilek innifsek permezz ta’ counseling.

Inkoraġġixxi lill-maħbub/a tiegħek biex jieħdu sehem f’attivitajiet alternattivi għall-vizzju. Bħal alternattivi sportivi, mużikali, kulturali, artistiċi… Offri li tipparteċipa wkoll f’tali attivitajiet biex tipprovdi sapport soċjali u tnaqqaslu l-kilba għal-logħob. L-irkupru mill-vizzju tal-logħob tal-azzard huwa proċess mimli sfidi li jieħu l-ħin u kif ukoll diversi sforzi minn kull naħa. Offri s-sapport kontinwu tiegħek, l-inkoraġġiment u l-understanding tiegħek matul il-vjaġġ kollu. Kun paċenzjuż/a u ċċelebra l-progress (anke jekk ikun wieħed żgħir). Setbacks jistgħu jiġru, hekk kif ir-relapse huwa parti intergrali mill-irkupru.

Ftakar li fl-aħħar mill-aħħar, il-persuna vvizzjata trid terfa’ r-responsabbiltà għall-irkupru, imma s-sapport jagħmel differenza kbira.

www.rgf.org.mt

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport