Bir-raġun, isiru dejjem talbiet ħalli l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet professjonali tagħhom bil-libertà kollha. Dan biex jiżguraw li l-fatti kollha li jistħoqqilhom ikunu publiċi jsiru publiċi, fl-aqwa interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà soċjali. Kull stat demokratiku u kull forza politika demokratika fih għandhom ikunu impenjati bil-kbir favur dawn l-għanijiet.
Nifhem li jeħtieġ tibqa’ tinżamm kuxjenza ħajja dwar hekk. Li ma nifhimx hu kif fl-istess ħin m’hemmx rikonoxximent li fost il-fatti li jistħoqqilhom ikunu publiċi hemm dawk li jirrigwardaw il-ġurnaliżmu nnifsu. Kif inhu mmexxi u min imexxih. X’mottivazzjoni politika, morali u kulturali għandhom dawk li jmexxuh. Kif inhu ffinanzjat, sussidjat, eċċ., b’rapporti regolari u publiċi dwar hekk. Minn dan kollu ma jsir xejn, li jqajjem ċerti dubji.
Waqt li numru ta’ kontroversji sikwit iqumu dwar l-istess suġġetti mqanqla minn ċerti midja, oqsma oħra fejn ikunu qed jispuntaw kontroversji differenti, ukoll potenzjalment qawwija, jiġu injorati. Għaliex?
WOKE
Il-mewġa kontra l-ideoloġija (jekk se nsejħulha hekk) Woke, sabet appoġġ kbir b’Donald Trump fil-presidenza tal-Istati Uniti. F’dak il-pajjiż, oqsma wiesgħa tal-politika li kif intqal, kienu mnebbħa mill-Woke, qed “jitnaddfu” bil-qawwa. Kienu qegħdin idaħħlu perspettivi esaġerati u inġusti fit-tmexxija tal-pajjiż biex jiffavorixxu ċerti minoritajiet u l-preġudizzji tagħhom b’dannu għaċ-ċittadin normali. Hekk intqal.
Hu minnu li f’ċerti aspetti qamu kontroversji ġustifikati dwar il-Woke. Min-naħa l-oħra, direzzjonijiet progressivi tal-aħħar deċennji ma jistgħux jitħallew jinqerdu bl-iskuża li huma Woke. Bħall-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, tal-persuni LGTB, tal-minoranzi razzjali kif ukoll tal-miżuri ta’ appoġġ meħuda għal dawn is-setturi biex kulħadd ikollu post xieraq u ugwali fil-ħajja tal-komunità. Aktar u aktar meta l-isforzi kontra l-Woke qed jinfirxu biex jinkludu attakki fuq prinċipji fondamentali ta’ tmexxija bħall-firda bejn ir-reliġjon u l-ħajja politika.
ATTIVI FIL-PARTIT
Waqt li l-organizzazzjonijiet tal-partiti saru aktar “professjonali”, il-volontarjat fi ħdanhom nixef. Anqas u anqas żgħażagħ tħajru jservu fiċ-ċentri lokali tal-partiti. F’numru ta’ każi dawn jew għalqu jew operaw kif setgħu b’uffiċjali anzjani. Ir-radjijiet u t-TV tal-partiti u oħrajn kellhom attrazzjoni aqwa minn tal-“każini”, waqt li l-medja soċjali bdew jitqiesu bħala mezz aqwa ta’ kif tkun politikament attiv.
L-organizzazzjoni tal-partiti l-istess… daret dejjem aktar lejn il-medja soċjali biex issostni l-kuntatt mal-membri. Dan qed iwassal biex dejjem aktar, mexxejja u rappreżentanti politiċi ftit ikollhom esperjenza diretta tal-għeruq tal-partit, tan-nies li f’ħajjithom u f’familthom kienu attivi fil-partit f’ħidma wiċċ imb’wiċċ bejniethom u mal-poplu. Kiber distakk bejn il-protagonisti lokali u nazzjonali tal-lum u dawk li baqgħu jmexxu mill-qiegħ l-istrutturi organizzattivi tas-sistema partitistika.