“Irrid li l-universitajiet jibqgħu postijiet fejn jistgħu jsiru mistoqsijiet diffiċli – inklużi mistoqsijiet dwar l-Iżrael u l-Palestina, il-migrazzjoni, il-politika tal-immigrazzjoni Daniża, Ewropea u globali, id-drittijiet tal-bniedem u l-politika tal-gvern – mingħajr ma l-akkademiċi jibżgħu li pożizzjoni mhux popolari tiswielhom il-karriera tagħhom.” Hekk iddikjarat ma’ IT-TORĊA, il-Professur Michelle Pace, li spiċċat ġiet imkeċċija mill-Roskilde University fid-Danimarka. Iddikjarat magħna li l-esperjenza hi trawma u xokk għaliha, iżda ddeċidiet li titkellem għax fi kliemha stess “ma rridx li l-esperjenza tiegħi ssir twissija għal akkademiċi oħra: “Oqogħdu attenti x’tgħidu dwar il-Palestina, Gaża, il-migrazzjoni jew id-drittijiet tal-bniedem.” L-universitajiet għandhom iwasslu l-messaġġ oppost.”
Il-każ ta’ Prof. Michelle Pace jikkonċerna t-tkeċċija tagħha minn Roskilde University fid-Danimarka. Il-professur Pace b’mod ċar ħafna titkellem li t-tkeċċija kienet marbuta mal-pożizzjonijiet pubbliċi tagħha dwar il-Palestina u Gaża. Il-każ qajjem diskussjoni dwar il-libertà akkademika u d-dritt tal-akkademiċi li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq kwistjonijiet politiċi sensittivi. Lilha riduha anke tidentifikat studenti li ħadu sehem fi protesti. L-università ġabet l-iskuża li t-tkeċċija kienet minħabba problemi ta’ mġiba u kollaborazzjoni ma’ kollegi, u dan meta l-istess Professur rebħet il-premju tal-istudenti “Golden Coffee Pot” għat-tagħlim; xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat darbtejn wara xulxin qabel.
IT-TORĊA għamlet kuntatt mal-Professur Pace, u staqsejniha għadd ta’ domandi dwar din l-esperjenza iebsa u li fuq kollox għandha effett kbir għax tista’ twassal biex akkademiċi joqogħdu lura milli jkunu kritiċi.
Staqsejniha b’mod dirett jekk taħsibx li kien hemm pressjoni minn politiċi jew mill-gvern Daniż fuq l-RUC rigward il-każ tiegħek. Għal din id-domanda, il-Professur Pace tgħidilna li “iva. Naħseb li l-evidenza rrappurtata minn ‘Politiken’ tindika b’mod qawwi ħafna pressjoni politika usa’ fuq l-RUC, partikolarment dwar kwistjonijiet relatati mal-Iżrael u l-Palestina, Gaża, il-migrazzjoni u r-rwol pubbliku tal-università. Irrid noqgħod attenta bid-distinzjoni bejn pressjoni politika fuq l-RUC b’mod ġenerali u l-prova ta’ struzzjoni politika diretta biex nitkeċċa. M’għandi l-ebda evidenza li xi politiku qal lill-RUC: “keċċu lil Michelle Pace.” Dik mhix l-allegazzjoni tiegħi.
Dak li ddokumentat ‘Politiken’ huwa università li topera f’atmosfera ta’ pressjoni politika konsiderevoli. Wara l-inċidenti tal-moviment studentesk magħruf bħala l-“Intifada tal-RUC” f’Ottubru tas-sena 2024, il-Ministru Daniża għall-Edukazzjoni Għolja u x-Xjenza, Christina Egelund, iddeskriviet pubblikament is-sitwazzjoni fl-RUC bħala “problema ġiganteska”. ‘Politiken’ irrapportat ukoll ix-xhieda tal-Professur Emeritu Heine Andersen, li qal li t-tmexxija tal-RUC stess kienet taħt pressjoni politika qawwija, inklużi allegati theddidiet dwar il-finanzjament pubbliku tal-università.”
“Issa hemm ukoll żvilupp politiku importanti ħafna wara l-investigazzjoni ta’ ‘Politiken’. L-Alleanza l-Ħamra-Ħadra Daniża (*Enhedslisten*) talbet formalment tweġibiet mingħand il-Ministru għall-Edukazzjoni Għolja u x-Xjenza dwar il-każ tal-RUC. Huma staqsew, fost affarijiet oħra, jekk kienx aċċettabbli li t-tmexxija tal-RUC titlob lill-akkademiċi biex jipprovdu l-ismijiet tal-istudenti involuti fi protesta, jekk kienx xieraq li r-riċerkaturi jiġu mwissija wara li qraw poeżiji ta’ kittieba Palestinjani, u jekk il-pressjoni politika kellhiex rwol fid-deċiżjoni tal-RUC li tneħħini. Naħseb li dan huwa sinifikanti. Dan ma jippruvax li l-pressjoni politika kienet il-kawża tat-tluq tiegħi, iżda juri li t-tħassib imqajjem minn ‘Politiken’ issa huwa serju biżżejjed biex iwassal għal mistoqsijiet fil-livell tal-Parlament u l-gvern Daniż. U dan huwa importanti: il-kwistjonijiet politiċi mhumiex qed jitqajmu minni biss. Issa qed jitqajmu pubblikament minn politiċi Daniżi b’reazzjoni għall-avvenimenti dokumentati.”
“F’dan il-kuntest, il-kronoloġija tal-każ tiegħi stess hija diffiċli biex tiġi injorata. Jien kont waħda mill-akkademiċi li ntalbu jidentifikaw studenti involuti fl-Intifada tar-RUC. Irrifjutajt li nidentifika studenti meta ma kontx ċerta min kienu (ma kinux studenti li kont ngħallem jien). Sussegwentement ġejt ikkritikata u mwissija b’rabta ma’ qari spontanju ta’ poeżija Palestinjana minn grupp ta’ persunal akkademiku barra l-kantin tar-RUC. Dejjem tkellimt pubblikament u b’mod miftuħ dwar Gaża, il-Palestina u l-migrazzjoni. F’Ottubru tas-sena 2025, kont waħda mill-akkademiċi (iżda l-uniku professur) li kkritikajt pubblikament l-attakki politiċi fuq ir-RUC u wissejt li dawn kienu qed jimminaw il-libertà akkademika. Kont ko-awtur ta’ artikli ta’ opinjoni kemm f’’Berlingske’ kif ukoll f’’Politiken’. U mbagħad, ftit wara, ir-RUC bdiet proċess biex tkeċċini, billi użat allegazzjonijiet dwar il-karattru tiegħi u r-relazzjonijiet tiegħi mal-kollegi.”
Enfasizzat li “għalhekk nemmen li l-ambjent politiku li jdawwar il-kwistjonijiet tal-Palestina, l-Istudji dwar il-Migrazzjoni u l-libertà akkademika huwa essenzjali biex wieħed jifhem x’ġara lili. Nerġa’ ngħid, m’iniex qed ngħid li għandi evidenza ta’ ordni politika diretta biex nitkeċċa. Dak li qed ngħid hu li r-RUC kienet qed topera taħt pressjoni politika li tista’ tiġi ppruvata; il-każ tiegħi żviluppa f’dak l-ambjent stess, u l-mistoqsijiet li tqajmu dwar il-libertà akkademika issa saru kwistjoni ta’ skrutinju parlamentari u governattiv. Huwa għalhekk li nemmen li huwa leġittimu li wieħed jistaqsi jekk il-pressjoni politika kellhiex rwol f’dak li ġrali.”

