Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kont żgħir nisma’ lill-ġenituri tiegħi jgħiduli li kont inkun dejjem b’xi ballun f’idi. Mbagħad meta tfarfart, kien jiġi għalija z-ziju tiegħi u jeħodni l-istadium tal-Gżira beix naraw lil Hamrun jilagħbu. Ma kontx nitlef logħba. Il-passjoni għal dan l-isport kompliet tikber fija tul iż-żminijiet.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Direttur Tekniku ta’ Mġarr United FC.
Fi ftit kliem dan ir-rwol jirrikjedi ħafna laqgħat bejn il-kumitat u l-istaff tekniku tat-tim. Hu rwol ukoll sabiex titwettaq l-istrateġija ta’ fejn irid jasal il-klabb għas-snin li ġejjin. Il-perjodu ta’ waqfa jinvolvi ħafna xogħol flimkien mal-kowċis, team manager u kumitat sabiex nistabilixxu kuntatti u negozjati ma’ plejers li jkunu ġew identifikati mill-kowċis sabiex tissaħħaħ l-iskwadra ewlenijja. Xogħol simili jsir fir-rigward tat-tim tan-nisa u dak ta’ taħt il-21 sena. Barra l-plejers, nidentifikaw ukoll l-għażliet tal-kowċis kemm rigward it-timijiet tal-kbar kif ukoll dawk taż-żgħażagħ u kowċis tan-nursery. Dan il-proċess isir fil-bidu ta’ kull kampjonat.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Bla dubju, meta tikkunsidra ċ-ċokon tagħna u n-nuqqas ta’ esperjenza kalċistika, il-fatt li qegħdin fil-BOV Challenge League, mal-grupp ta’ fuq u b’possibiltá tajba li nidħlu għall-fażi tal-promozzjoni, ninsab sodisfatt bl-andament tal-istaġun. Ovvjament, jekk issaqsini stajniex inkunu aħjar ngħidlek iva, stajna evitajna ftit mid-draws li kellna, iżda kumplessivament naħseb li qegħdin tajjeb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
Meta tim bħal tagħna jitla’ f’diviżjoni hekk għolja bla dubju l-ewwel għan ikun sabiex tipprova tibqa’ f’dik id- diviżjoni. Konna diġá ppruvajna fl-ewwel esperjenza tagħna fl-Ewwel Diviżjoni tliet snin ilu iżda ma rnexxilniex. Din is-sena saħħaħna t-tim u ninsabu ottimisti ħafna li dan it tragward jintlaħaq kmieni. Iżda apparti hekk, il-mument li nilħqu dan, aħna niffissaw tragwardi oħra. Irrid ngħid ukoll, li minn meta s-Sur Zarb sar president ta’ Mġarr United FC, il-klabb ħa dimensjoni oħra. Qed inħarsu b’aktar ottimiżmu u bla dubju l-klabb qed jikber ftit ftit. Dan jawgura futur sabiħ!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Din hi mistoqsijja li jgħaddu kemm jgħaddu snin tibqa’ wahda ambigwa u miftuħa ħafna. Mill-esperjenzi tiegħi nhoss li fil-futbol Malti in ġenerali sar titjib. Dan żgur għall-fatt li kemm il-kowċis kif ukoll amministraturi akkwistaw esperjenzi ġodda u kabbru l-intelliġenza kalċistika minn taħriġ u korsijiet organizzati. Jien ftit xettiku rigward il-potenzjal tal-plejers barranin u s-saħħa tagħhom u forsi wkoll nuqqas ta’ plejers Maltin fit-timijniet tal-Premier ixekkel ftit lin-Nazzjonal. Iżda, fil-kampjonati minuri żgur sar progress enormi u l-livell kiber. Nota fuq il-malta Premier, għall-bidu kont ftit xettiku fuq il-format, iżda jidher li aktar kemm jintlagħbu partiti aktar qed ikun hemm interess u dan jawgura tajjeb.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bla dubju il-pitch tagħna ġewwa l-iMgarr hu wieħed mill-aħjar għat-tahrig. Apparti taħriġ tat-timijiet tagħna, jintlagħab ukoll logħob tal-‘youths’ u nisa. Dan żgur u mertu tas-Sur Schembri li kuljum jieħu ħsieb il-pitch u l-premises qishom daru. Matul dan l-istaġun ukoll ġie mibdul il-ħaxix sintetiku u wkoll tlesta’ l-bini ta’ gym ġdid. Kif jasal l-apparat ikollna gym attrezzat sabiex it-timijiet tagħna jkunu jistgħu jitħarrġu għandna wkoll.
Bħala Mġarr United FC għandkom ukoll tim tan-nisa. Agħtina iktar dettalji rigward l-andament tagħkom sa issa matul dan l-istaġun u t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun.
It-tim tan-nisa tagħna minn dejjem offra sfida qawwija għar-rebħ tal-kamjonat. Din is-sena żgur mhix eċċezzjoni. Qegħdin issa fil-fażi delikata fejn qegħdin nilagħbu kampjonat bejn erba’ timijiet għal min jirbaħ il-kampjonat. Tliet punti biss jifirdu l-ewwel tim u r-raba’ tim u fadal ħafna logħob. L-ambizzjoni tagħna hi żgur li nippruvaw nirbħu l-kampjonat għall-ewwel darba. Hemm skwadra kompetittiva u r-riżultati miksuba huma inkoraġġanti ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Sakemm il-Mulej jagħtini s-saħħa u sakemm l-amministraturi ta’ Mġarr United FC iżommuni magħhom nibqa’ għaddej u noffri l-esperjenzi tiegħi lil tant żgħażagħ u kowċis li jiffrekwentaw il-klabb tagħna. Issa ili nimmilita f’dan il-klabb għal dawn l-aħħar tmien snin fejn ikkowċjajt il-gruppi kollha u nħoss li għandi t-tieni familja tiegħi f’dan il-klabb.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbal hu sport sabiħ ħafna. Iżda trid tkun paċenzjuz, dixxiplinat, u tagħmel sagrifiċċji sabiex tilħaq livelli għolja li finalment jagħtuk suċċess. Importanti wkoll tkun umli, dedikat u onest u taċċetta l-awto-kritika ta’ min irid jagħtik pariri siewja!