“L-ISTRINA kienet, għadha, u tibqa’ l-aqwa u l-akbar wirja ta’ solidarjetà f’pajjiżna. Hekk għandu jkun u hekk nawguraw li tibqa’.” hekk beda biex jikteb Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef b’reazzjoni għal dak li kiteb Byorn Formosa fl-aħħar sigħat.
Micallef qal li l-attakk tiegħu fuq l-ISTRINA, il-Malta Community Chest Fund u il-President tar-Repubblika kien wieħed irresponsabbli għall-aħħar. Huwa żied jgħid li trid tkun “vili” biex toħroġ b’attakk simili fuq il-midja meta hu stess gawda u għadu jgawdi mill-istess fondi.
Huwa kkundanna l-“attakk sfrenat” u qal li dan juri wkoll diżrispett lejn dawk l-eluf kollha li matul is-snin taw il-fondi tagħhom gawdew minnhom għaqdiet u pazjenti li tant kienu fil-bżonn.
Fl-aħħar sigħat Byorn Formosa xerred filmat bid-diżappunt tiegħu għall-fatt li skontu “L-MCCF qabdu u ddeċidew li jorganizzaw l-ISTRINA 2 mingħajr avviż ta’ xejn ġimgħa biss qabel il-ġbir ta’ fondi għal Dar Bjorn il-ġdida”. Huwa qal li hu kien ħabbar din id-data sa mill-bidu tas-sena u li issa din l-attività “rikbet” fuq l-attività tiegħu.
Huwa tkellem ukoll fil-konfront tal-President George Vella u qal li mhix etika li “għadda bħal bulldozer minn fuq pazjent b’kundizzjoni terminali”.