Saturday, November 23, 2024

Trump jgħid li qed jikseb “marki tajbin” fil-kontroll tal-pandemija minkejja n-numru ta’ mwiet

Aqra wkoll

Minkejja l-kritika li qed issirlu, il-President Amerikan Donald Trump qed jisħaq li qed jikseb “marki tajbin” għall-miżuri li qed jieħu biex jikkontrolla l-pandemija tal-coronavirus. Dan minkejja wkoll li l-Istati Uniti issa għandha l-akbar ammont ta’ vittmi tal-virus madwar id-dinja.

Il-President qal dan fi tweet li fiha kkritika wkoll lill-predeċessur tiegħu Barack Obama għall-mod kif l-amministrazzjoni tiegħu kienet irrispondiet għall-emerġenza tas-saħħa tas-swine flu.

“Qed niksbu marki tajbin għall-mod kif qed nikkontrollaw il-pandemija, speċjalment talli pprojbixxejna l-wasla ta’ nies miċ-Ċina, is-sors tal-infezzjoni,” kiteb Trump.

“Ipparagunaw dan mar-riżultati miksubin minn Obama/Sleeping Joe (Joe Biden) fil-kriżi tal-H1N1,” żied jikkummenta Trump.

Għadu mhux ċar x’seta’ wassal lil Trump jikkummenta b’dan il-mod, madankollu stħarriġ riċenti li sar juri li l-biċċa l-kbira tal-Amerikani ma jaqblux mal-mod kif l-amministrazzjoni tiegħu qed tiffaċċja l-pandemija tal-Covid-19. Fl-istħarriġ, 51.1% tal-Amerikani ma jaqblux li Trump qed jieħu l-miżuri adegwati, b’43.5% min-naħa l-oħra jaqblu li l-miżuri huma tajbin.

Sport