Trump jiċħad li l-Istati Uniti għandha nuqqas ta’ armi

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump fi stqarrija fuq il-midja soċjali, wiegħed li se jfittex “li jingħataw sentenzi twal ta’ ħabs” lil dawk suspettati li jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali. Il-President Trump għamel din id-dikjarazzjoni waqt li ċaħad rapporti li l-Istati Uniti qed tiffaċċja nuqqas drastiku ta’ munizzjon.

B’reazzjoni għal dawn l-għajdut, Trump qal nhar il-Ħamis li l-Istati Uniti għandha kwantitajiet kbar ta’ ‘munizzjon’, speċjalment ta’ ċerti tipi u barra minn hekk qed jiġu manifatturati u mibgħuta lejn l-Istati Uniti kwantitajiet kbar ta’ armi skont kif ikun meħtieġ.

Kemm il-President Amerikan Trump kif ukoll il-Pentagon qed jiffaċċjaw kritika u mistoqsijiet dejjem jiżdiedu dwar l-istat tal-armament militari tal-pajjiż, hekk kif il-gwerra mal-Iran issa tinsab fis-sitt xahar tagħha u ftehim ta’ paċi għadu ma jidhirx fil-viċin.

Il-Ministru tad-Difiża Iranjan Majid Ibn-e-Reza wieġeb għar-rapporti dwar it-tnaqqis fil-provvisti tal-armi tal-Istati Uniti billi stqarr li l-armi tal-Iran huma manifatturati lokalment u taw lill-pajjiż il-kapaċità li jirrispondi għal kwalunkwe theddida.

Majid Ibn-e-Reza żied jikteb fuq is-sit elettroniku X li ta’ kuljum qed jidhru sinjali aktar evidenti li l-kapaċitajiet militari tal-Istati Uniti qed jonqsu. Huwa żied jgħid li dawk li bħalissa qed ifittxu li jixtru sigurtà u superjorità militari permezz ta’ sistemi importati, dalwaqt jirrealizzaw li t-teknoloġija domestika tal-Iran hija superjuri għal kwalunkwe sistema oħra fir-reġjun.

Stazzjonijiet ewlenin tal-aħbarijiet lokali irrapportaw li l-Istati Uniti użat parti kbira mill-ħażna globali tagħha ta’ missili ta’ preċiżjoni matul il-gwerra mal-Iran. Ir-rapport ikkwota żewġ sorsi mhux identifikati li għandhom għarfien dirett tal-kwistjoni.

Il-ġurnal Washington Post ukoll irrapporta nhar l-Erbgħa filgħaxija li l-ġimgħa li għaddiet Trump ikkonfronta lis-Segretarju tad-Difiża Pete Hegseth dwar nuqqas possibbli fil-ħażna tal-armi. Dan ir-rapport ukoll ikkwota sorsi mhux identifikati. 

Intant, Trump iddikjara f’post fuq Truth Social li dawk li qed inixxu dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ “tradiment” qed jiġu mfittxija biex jinqabdu u se tintalab piena ta’ ħabs fit-tul għalihom.

Informazzjoni preċiża dwar l-istokkijiet tal-missili tal-Istati Uniti hija klassifikata. Minn mindu ħa l-kariga ta’ Segretarju, Pete Hegseth fittex ukoll li jimplimenta kontrolli stretti biex jillimita l-informazzjoni li l-ġurnalisti jistgħu jiksbu mill-Pentagon.

Abbażi ta’ dejta disponibbli pubblikament, iċ-Ċntru għall-Istudji Strateġiċi u Internazzjonali (CSIS) – grupp ta’ riċerka u analiżi dwar is-sigurtà nazzjonali – stima li sal-aħħar ta’ Lulju, l-Istati Uniti kien fadlilha bejn 759 u 827 missila Patriot; dan jammonta għal madwar terz tat-2,330 missila li kienu disponibbli qabel ma beda l-kunflitt. L-amministrazzjoni Trump sostniet b’mod konsistenti li l-Istati Uniti għandhom biżżejjed ħażniet ta armi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport