Friday, December 27, 2024

Trump jinstab ħati f’ġuri li abbuża minn kittieba ta’ rivista fi stabbiliment fi New York

Aqra wkoll

Ġurija f’każ ċivili sabet li l-eks President Amerikan Donald Trump abbuża sesswalment minn kittieba ta’ rivista fi stabbiliment ġewwa New York fis-snin disgħin. Huwa iżda ma nstabx ħati li stupra lil E Jean Carroll fid-dressing room ta’ Bergdorf Goodman.

Il-ġurija sabet ukoll li Trump kien responsabbli għal malafama talli sejjaħ l-akkużi tal-istess artikolista bħala “foloz u gideb.”

Din kienet l-ewwel darba li Trump instab legalment responsabbli dwar attakk sesswali. Il-ġurija ta’ Manhattan, li ħarġet bid-deċiżjoni tagħha wara tliet sigħat ta’ deliberazzjoni matul il-jum tat-Tlieta, ordnat ukoll lil Trump biex iħallas lill-vittma madwar $4 miljun f’danni.

“Illum, id-dinja fl-aħħar saret taf il-verità,” qal Carroll fi stqarrija li ħarġet wara l-verdett. “Din ir-rebħa mhijiex biss tiegħi imma għal kull mara li batiet għax ma kinitx emmnuta.”

Sadanittant, l-Avukat ta’ Trump indika li l-eks President mistenni jappella minn din id-deċiżjoni.

Minħabba li l-ġuri kien fil-Qorti Ċivili u mhux fil-kriminal, Trump mhux se jkun qed jitpoġġa fir-reġistru ta’ persuni misjuba ħatja li wettqu reat sesswali.

L-eks president, li kien ċaħad l-akkużi kollha ta’ Carroll, ma attendiex għall-ġuri tiegħu li dam għaddej ġimagħtejn fil-Qorti Federali ta’ Manhattan. Waqt li kien qed jinqara l-verdett, Carroll ta’ 79 żammet idejn l-avukati tagħha u tbissmet kif semgħet li hija ngħatat kumpens għad-danni li sofriet.

Fi tmiem il-ġuri, l-Avukat ta’ Trump, Joe Tacopina, ħadilha b’idejha u nstema’ jgħidilha “prosit u awguri.”

Wara l-verdett, Trump kiteb fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu “Truth Social” li ma kellu l-ebda idea min kienet din il-mara. Qal li dan il-verdett huwa għajb, kontinwazzjoni ta’ dak li sejjaħlu bħala l-akbar “witch hunt” ta’ kull żmien.

Filwaqt li l-ġurija sabet lil Trump ħati li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittma u anke dwar malafama, huwa ma nstabx ħati li stupraha. Biex setgħet tasal għal dan il-verdett, il-ġurija kien jeħtieġ li tkun konvinta li huwa kien involut f’att sesswali mhux konsenswali ma’ Carroll.

Ekonomija

Sport