Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ġie dijanjostikat li qed isofri minn kundizzjoni kronika tal-vini. Il-White House ħabbret dan nhar il-Ħamis wara jiem ta’ spekulazzjoni dwar ritratti li juru tbenġil fuq id il-president.
Wara li dan l-aħħar esperjenza nefħa f’saqajh, Trump kellu jgħaddi minn eżami mediku komprensiv inkluż testijiet vaskulari, skont is-Segretarju Stampa tal-White House Karoline Leavitt.
Leavitt qalet li t-tbenġila fuq id Trump kienet konsistenti ma’ ħsara fit-tessut ta’ l-idejn waqt li kien qed jieħu l-aspirina, li qalet li hija parti minn kors ta’ prevenzjoni kardjovaskulari.
Trump, li għandu 79 sena, ftaħar regolarment li kien jinsab f’saħħtu tant li darba ddeskriva lilu nnifsu bħala l-aktar president tal-Istati Uniti b’saħħtu li qatt għex.
Il-kundizzjoni tal-vini li Trump skopra dan l-aħħar tissejjaħ insuffiċjenza venuża kronika, li sseħħ meta l-vini tar-riġlejn jonqsu milli jippumpjaw id-demm lejn il-qalb, u dan iwassal biex jinġabar fir-riġlejn t’isfel, li mbagħad jintefħu.
Il-vini u l-valvi jimbuttaw id-demm ‘il fuq u ‘l barra mir-riġlejn u lura lejn il-qalb, jgħid Dr Meryl Logan, assistent professur tal-kirurġija vaskulari fl-Università ta’ Texas f’Austin.
Skont is-Segretarju Stampa tal-White House Karoline Leavitt, ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ trombożi fil-vini jew mard arterjali u li r-riżultati kollha mit-testijiet li sarulu kienu fil-limiti normali.
Nota mit-tabib tal-White House Sean Barbabella, qalet li l-kundizzjoni li qed isofri minnha Trump mhijiex gravi u hija komuni speċjalment f’nies ‘il fuq minn 70 sena. Qalet ukoll li b’mod ġenerali, Trump jinsab f’saħħa eċċellenti.
Fotografi qabdu dak li deher li kienu r-riġlejn minfuħin ta’ Trump waqt il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs tal-FIFA fi New Jersey fit-13 ta’ Lulju, b’ritratti sussegwenti meħuda aktar kmieni din il-ġimgħa juru jdejh imbenġla waqt laqgħa mal-Prim Ministru tal-Bahrain Salman bin Hamad bin Isa Al Khalifa fil-White House.
Riġlejh minfuħin u t-tbenġil qanqlu spekulazzjoni u xnigħat li l-president Trump seta’ kien qed isofri marda li baqgħet mistura u ma kinitx ġiet ippubblikata qabel.
Meta ħa l-ġurament għat-tieni mandat tiegħu f’Jannar li għadda, Trump kellu 78 sena u seba’ xhur u b’hekk sar l-ixjeħ persuna li qatt ġie inawgurat bħala president tal-Istati Uniti.