Truppi Ingliżi ħadu sehem f’taħriġ militari mal-forzi armati Żvediżi u Finlandiżi hekk kif kompliet għaddejja l-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Ministeru tad-Difiża qal li dan l-eżerċizzju f’kundizzjonijiet ta’ temperaturi estremi huwa maħsub biex itejjeb il-livell tat-tliet nazzjonijiet fil-kamp tal-battalja.
Il-Prim Ministru Boris Johnson aktar kmieni din is-sena ffirma ftehim ta’ sigurtà reċiproka mal-Iżvezja u l-Finlandja.
Is-Segretarju tad-Difiża Ben Wallace tenna wkoll l-appoġġ tar-Renju Unit għall-offerta taż-żewġ nazzjonijiet biex jissieħbu fin-Nato. Huwa qal li filwaqt li hemm gwerra fl-Ewropa, huwa aktar importanti minn qatt qabel li jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom fuq livell internazzjonali.
Skont il-ftehim milħuq minn Johnson, iż-żewġ pajjiżi Skandinavi kienu lesti li jgħinu wkoll lir-Renju Unit f’perjodu ta’ kriżi.
L-Iżvezja u l-Finlandja ssottomottew l-applikazzjonijiet tagħhom biex jissieħbu fin-Nato f’Mejju li għadda. Is-segretarju ġenerali tal-alleanza Jens Stoltenberg kien iddeskriva din id-deċiżjoni bħala mument storiku.
Mit-30 membru tan-NATO hemm 23 li diġà rratifikaw is-sħubija. Madankollu, it-Turkija qablet biss li toffri l-approvazzjoni jekk iż-żewġ nazzjonijiet jaqblu li jestradixxu persuni meqjusin bħala terroristi.