Thursday, December 26, 2024

Truss twiegħed li se taħdem kuljum biex twettaq dak kollu li wegħdet

Fl-ewwel diskors mill-ħatra ta’ PM Truss tibbaża l-politika tagħha fuq tliet pilastri

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-ewwel diskors tagħha wara li nħatret bħala Prim Ministru, Liz Truss wegħdet li l-gvern iffurmat minnha se jkun qiegħed joħloq aspirazzjoni b’impjiegi li jħallsu tajjeb, toroq siguri u opportunitajiet ugwali għal kulħadd.

F’diskors imqanqal minn Downing Street, Truss ma naqsitx milli tfakkar lill-Prim Ministru preċedenti Boris Johnson li se jibqa’ mfakkar għal deċiżjonijiet li ħa fi Brexit, fejn jidħol il-vaċċin tal-Covid u anke fl-aħħar xhur mindu bdiet l-invażjoni fir-Russja.

Il-Prim Ministru qalet li minkejja kull sfida li se jkollha taffaċċja, tħossha onorata li se tkun qiegħda tieħu din ir-responsabbiltà f’dan il-perjodu vitali. Fakkret li l-kobor tar-Renju Unit jinsab fit-twemmin fundamentali fil-libertà, l-intrapriża u l-opportunitajiet ugwali għall-progress.

Truss sostniet li quddiem sfidi globali, il-poplu Brittaniku dejjem wera ħrara, kuraġġ u determinazzjoni u li hekk se jkompli jagħmel quddiem l-effetti tal-invażjoni fl-Ukrajna.

Kompliet biex twiegħed li se tkun qiegħda tieħdu azzjoni llum u kuljum biex tara li dak li wegħdet iseħħ u spjegat li se tkun qiegħda tagħti prijorità lil tliet pilastri fil-politika tagħha.

Dwar l-ekonomija, Truss qalet li se tiffoka fuq li l-Gran Brittanja terġa’ taħdem bi pjan kuraġġuż biex tikber l-ekonomija permezz ta’ tnaqqis tat-taxxa u riforma. Hija qalet li se tnaqqas it-taxxi biex tippremja l-bżulija u tagħti spinta lit-tkabbir u l-investiment immexxi min-negozju. Żiedet tgħid li se tiżgura li jinbnew sptarijiet, skejjel, toroq fost proġetti infrastrutturali oħra.

Rigward l-enerġija, il-Prim Ministru wegħdet li se tindirizza l-kriżi tal-enerġija kkawżata mill-gwerra ta’ Putin. Hija qalet li se tieħu azzjoni din il-ġimgħa biex tittratta l-kontijiet tal-enerġija u biex tiżgura l-provvista tal-enerġija futura tal-pajjiż.

Fejn tidħol is-saħħa, Truss qalet li se tiżgura li n-nies jistgħu jiksbu appuntamenti tat-tobba, u aċċess għas-servizzi tal-isptarijiet li għandhom bżonn. “Se npoġġu s-servizz tas-saħħa tagħna fuq bażi soda”, sostniet Truss. 

Hija temmet tgħid li “flimkien nistgħu nersqu mill-maltemp u nibnu mill-ġdid l-ekonomija tagħna biex insiru l-Gran Brittanja moderna u brillanti li naf li nistgħu nkunu”.

Ekonomija

Sport