Sunday, December 22, 2024

TTD 2022: Il-coach nazzjonali Devis Mangia jitkellem dwar l-għażla tal-players għal kontra s-Slovenja u Ċipru

Aqra wkoll

Il-coach nazzjonali Devis Mangia sostna li l-players tat-team nazzjonali għandhom dejjem ikunu ta’ eżempju waqt li kien qed jikkummenta dwar l-għażliet tiegħu waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel il-logħob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra s-Slovenja, fl-Istadium Nazzjonali, fit-8 ta’ Ottubru, u  kontra Ċipru barra minn darna tlett ijiem wara.

Mangia qal li għal darba’oħra, iddeċieda li jsejjaħ skwadra ta’ 30 player billi se jkollu ħin biżżejjed biex jaħdem mal-players.

Rigward l-assenza ta’ Andrei Agius, Bjorn Kristensen u Ferdinando Apap, il-coach nazzjonali qal li hemm kodiċi ta’ etika li l-players kollha qablu miegħu. Huwa qal li s-sospensjonijiet li rċevew mill-UEFA wara l-logħba ta’ Hibernians kontra Riga FC ma kinux każ ta’ karta ħamra normali imma xi ħaġa aktar serja. Dan iddiskutieh mal-players involuti kif ukoll mal-kumplament tal-iskwadra.

Huwa qal li wara d-deċiżjoni tal-UEFA, huwa jħoss li din kienet l-unika deċiżjoni li seta’ jieħu, kemm bħala head coach tat-team nazzjonali kif ukoll bħala direttur tekniku, għax il-players tat-team nazzjonali għandhom ikunu dejjem ta’ eżempju għal ħadd­ieħor.

“Flimkien qegħdin nippruvaw nibnu xi ħaġa u l-players huma l-protagonisti ta’ din il-bidla li qed nagħmlu. Imma fl-istess ħin għandna r-responsabiltajiet.”

Mangia tenna li l-players għandhom jirritornaw lura f’Novembru jekk teknikament u fiżikament ikunu tajbin.

Fl-għażla tal-iskwadra, bla dubju spikkat il-preżenza ta’ James Brown, difensur ta’ St Johnstone, fl-Iskozja. Mangia qal li Brown jista’ joffri xi ħaġa lit-team nazzjonali.

Huwa jemmen li dan jista’ jilgħab kemm bħala wieħed mid-difensuri ċentrali kif ukoll mal-linja fuq il-lemin … u qed jistenna li jarah fl-azzjoni waqt it-taħriġ.

Sfortunatament, Brown weġġa’ ftit tal-ġranet ilu u tilef l-aħħar logħba mill-Premiership Skoċċiż iżda Mangia qal li t-team manager tat-team nazzjonali qiegħed f’kuntatt mal-club tiegħu u qed jittama li jilħaq jirkupra għal dawn iż-żewġ logħbiet.

Wiċċ ieħor ġdid fl-iskwadra huwa dak tal-player ta’ Floriana, Adam Magri Ove­r­end. Mangia qal li għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dan jista’ jitħalla jingħaqad mat-team ta’ Taħt il-21 Sena, bl-għażla tiegħu ried iwassallu messaġġ li qed jilgħab tajjeb u għandu l-kwalitajiet biex jagħmilha mat-team nazzjonali.

Il-coach nazzjonali rrefera għall-kritika li saret dwar il-fatt li xi players ma rritornawx lura f’ kundizzjoni tajba wara t-tliet logħbiet ta’ Settembru.

Huwa saħaq li m’hu se jħalli lil ħadd jallega li l-istaff tekniku mhux qed jaħdem b’mod professjonali u xiehda ta’ dan huma l-players.

Huwa qal li jħoss li din il-kritika kienet żejda għax madwar l-Ewropa kollha, l-players jerġgħu lura mal-clubs immedjatament wara l-impenji mat-team nazzjonali. 

Huwa sostna li jekk hemm xi ħadd li jixtieq li l-players jagħmlu sessjoni oħra biex jirkupraw wara l-logħob mat-team naz­zjonali għandu jħeġġeġ lill-clubs l-oħra biex jingħaqdu flimkien u jagħmlu talba simili anke jekk dan imur lil hinn mid-dmirijiet tal-istaff tekniku tat-timijiet nazzjonali.

“Biex nibnu xi ħaġa, irridu naħdmu flim­kien kollha kemm aħna biex naslu fejn nixtiequ. L-objettiv tagħna lkoll għandu jkun dak li ntejbu l-livell tal-football Malti,” qal Devis Mangia.

Sadanittant Mangia ħabbar li Yannick Yankam ta’ Birkirkara kellu jirtira mill-iskwadra minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Madankollu mhux se jkun hemm tibdil fl-iskwadra u għalhekk din se tkun magħmula minn 29 player.

Ekonomija

Sport