Thursday, March 28, 2024

TTD 2022: Illum Malta tilgħab l-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni

Aqra wkoll

Illum it-team nazzjonali se jilgħab l-aħħar logħba tiegħu fi Grupp H ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2022 meta fl-Istadium Nazzjonali se jiffaċċja lis-Slovakkja.  

Ċertament li l-mo­ral tal-Maltin hu pjuttost baxx wara t-telfa kbira ta’ 7-1 kontra l-Kroazja nhar il-Ħamis li għadda. 

Peró l-players tagħna jridu jinsew dan id-diżappunt u jikkonċentraw fuq is-Slovakkja. 

Proprju hekk qal  Devis Mangia fil-konferenza tal-aħ­barijet li l-players tie­għu jinsabu ffukati u lesti li jagħtu wirja tajba.

Hu sostna li bħala team qed jippruvaw jinsew it- telfa kontra l-Kroazja fejn qal li minkejja li mhux xi ħaġa faċli, xorta jemmen li l-players tiegħu se jqumu għall-okkażjoni. 

Il-coach ta’ Malta xtaq ukoll jiċċara l-kummenti li ta lill-istazzjon naz­zjonali eżatt wara l-partita fejn qal  li ċ-ċanfira tiegħu ma kinetx direttament għall-partitarji filwaqt li stieden lil kulħadd sabiex ikun wara t-team f’dan il-proċess ta’ żvilupp tal-football Malti li għadu għaddej. 

“Minn hawn nixtieq nfaħħar is-South End Core li dejjem kienu wa­ra t-team anke fil-mumenti diffiċli tal-Ħamis li għadda.”

Meta mistoqsi għal min kien qed jirreferi fil-kummenti tiegħu, Mangia qal li mhux kulħadd għandu l-istess fehma bħal tiegħu u wara kollox in-nies jistgħu jagħmlu li jridu għalkemm sos­tna li l-players tiegħu ma ħaqqhomx jiġu bbuwjati jew mgħaj­ra.

“Irridu niftakru li din l-iskwadra laħqet ir-rekord tal-iktar punti miksuba fi grupp ta’ kwalifikaz­zjoni għat-Tazza tad-Dinja … b’ħames punti.”

Hu tenna li diffiċli taċċetta riżultat ta’ 7-1 iżda issa dak hu passat u wieħed għandu jiffoka fuq il-logħba li jmiss bit-tama li l-wirja tkun aħjar u jinkisbu wkoll xi punti.

Mistoqsi dwar il-mo­ral tal-players huwa kompla jgħid li xejn m’hu faċli tqum fuq saqajk wara dik il-partita iżda bil-paċenzja kollha, l-istaff ħadem bla heda sabiex il-players ikun moħħhom hemm u jiffokaw fuq il-logħba kon­tra s-Slovakkja. 

“Inutli taħli l-enerġiji mentali tiegħek fuq xi ħaġa li issa hija fil-passat. Irridu nħallu kollox warajna u naffrontaw il-logħba li jmiss.”

Mangia kkonferma li t-team jinsab fl-iżvilupp tiegħu u dan hu proċess ferm importanti sabiex aktar ‘il quddiem jinkisbu riżultati aħjar.

“Hija ħaġa normali li se niżbaljaw f’xi mumenti. Dan kollu hu mistenni speċjalment meta għandek żgħażagħ li għadhom qed jidraw dan it-tip ta’ ambjent internazzjonali.”

Mangia temm jgħid li hemm differenza bejn l-UEFA Nations League u l-logħob ta’ kwalifikaz­zjoni Ewropej minħabba li l-livell tat-timijiet huwa ferm ogħla.

Minkejja kollox, huwa mhux se jaqta’ qalbu u lest biex ikompli jgħin sabiex jinkiseb aktar progress.

Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fi spazju ta’ tmien xhur wara li f’Marzu li għadda f’Trnava, il-Maltin żammew lis-Slovakki fi draw ta’ 2-2 bil-goals tal-Maltin jaslu minn Luke Gambin u Alex Satariano filwaqt li David Strelec u Milan Skriniar wieġbu għall-avversarji.  

Il-coach Stefan Tarkovic għażel l-aqwa formaz­zjoni possibbli li tinkludi lid-difensur ta’ Inter, Skriniar, u l-midfielder ta’ Napoli, Stanislav Lobotka. Madankollu huwa ma jistax jinkludi lill-player veteran Marek Hamsik għax jinsab imweġġa’. 

Min-naħa ta’ Malta, l-għan huwa li nakkwis­taw għall-inqas punt biex jinkiser ir-rekord tal-akbar ammont ta’ punti kompetittivi. 

Fid-disa’ logħbiet pre­ċedenti, Malta kisbet reb­ħa, żewġ draws u sitt telfiet għal total ta’ ħames punti.   

Mangia ma jidhirx li għandu xi problemi partikolari ta’ formazzjoni għalkemm mistenni jagħ­mel xi tibdil fl-ewwel 11 li bdew il-konfront kontra l-Kroati. 

Il-partita tibda fit-3.00 pm u se tintwera diretta fuq TMV News+

Ekonomija

Sport