Sunday, October 27, 2024

TTD 2022: L-Ukrajna se tilgħab fid-dell tal-gwerra

Aqra wkoll

Illum tintlagħab is-semi-finali tal-play-off tat-Tazza tad-Dinja bejn l-Iskozja u l-Ukrajna, f’Hampden Park.  

Din se tkun l-ewwel partita kompetittiva għall-Ukrajna mindu bdiet l-invażjoni f’pajjiżhom mir-Russja. Ovvjament din il-fixture li kellha tintlagħab f’Marzu li għadda kellha titressaq minħabba l-attakki li sofra dan il-pajjiż mill-qawwiet Russi. Huma mistennija li jkollhom appoġġ qawwi wara tant tbatija li sofrew. 

Peró, min-naħa tal-Iskoċċiżi se jagħmlu minn kollox biex jikkwalifikaw għall-finali tal-play-off  ta’ nhar il-Ħadd li ġej kontra Wales. 

Ir-rebbieħ ikollu d-dritt biex jingħaqad mal-grupp tal-Ingilterra, l-Istati Uniti u l-Iran, fil-fażi finali. Ta’ min jgħid li l-aħħar darba li t-Tartani lagħbu fil-fażi finali kienet fl-1998.

Għal din il-partita, huma se jkunu mingħajr l-imweġġgħin Kieran Tierney u Ryan Jack filwaqt li Nathan Paterson huwa dubjuż minkejja li beda jittrenja wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġie operat fl-għaksa. 

Min-naħa l-oħra, iż-żewġ players Andy Robertson u Scott McKenna, se jsirilhom test aħħari wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda kienu nvoluti fil-finali tal-UEFA Champions League u f’dik tal-play-off taċ-Championship rispettivament. 

Għall-Ukreni se jirritornaw erba’ players li ma kienux lagħbu fil-partita ta’ ħbiberija kontra Borussia Moenchengladbach fil-bidu ta’ Mejju. Dawn huma Oleksandr Zinchenko, Ruslan Malinovskyi, Roman Yaremchuk u Andriy Yarmolenko.

Sport