Friday, December 3, 2021

TTD 2022: Malta ssofri telfa kbira

Aqra wkoll

Malta …1

Kroazja …7

F’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni  tat- Tazza tad-Dinja 2022, Malta sofriet waħda mill-akbar telfiet f’darna meta sfajna megħluba bl-iskor ta’ 7-1.  

Bla dubju, din kienet wirja li l-Maltin iridu jinsew hekk kif ġew ikkastigati għall-iżbalji li kkommettew  bil-konsegwenza li dan il-konfront spiċċa mingħajr l-ebda storja. 

Appena għaddew sitt minuti, il-Kroati fetħu l-is­kor meta l-Maltin ippruvaw itellgħu l-ballun minn wara iżda l-pass ta’ Ryan Camenzuli waqa’ f’saqajn Luca Modric li  għadda lejn And­rej Kramaric li kompla lejn l-iżmarkat IVAN PERISIC li bil-kalma kollha xeħet il-ballun fix-xibka. 

Sitt minuti wara, Marcelo Brozovic sab ix-xibka Mal­tija iżda l-goal ġie mħassar minħabba li Kramaric kien f’pożizzjoni ta’ offside hekk kif tellef il-viżjoni tal-goalkeeper Malti, Henry Bonello. 

Minuta biss wara, il-Maltin kellhom l-istess xorti meta Jurgen Degabriele inqabad f’pożizzjoni millimetrika ta’ offside qabel ma ħarab waħdu u għeleb lil Ivo Grbic.

Fit-22 minuta, il-Kroati rduppjaw meta ngħataw free-kick wara li Cain Attard ikkommetta foul fuq Perisic. Mill-istess free-kick ta’ Modric, Duje Caleta-Car irnexxielu jogħla fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Henry Bonello. 

Peró fil-31 minuta, il-Maltin naqqsu l-marġni tal-iskor meta Luke Montebello għadda lejn Jurgen Degab­riele fuq ix-xellug, li f’tarf il-kaxxa b’finta għeleb lil Josip Juranovic biex il-cross insidjuż lejn Montebello sab lil Marcelo Brozovic jantiċipa t-tentattiv tiegħu bid-diffe­renza li l-ballun ħabat ma’ rasu u qarraq bil-goalkeeper tiegħu stess u ntemm fix-xib­ka. 

Fid-39 minuta, il-Kroati skorjaw it-tielet goal meta f’attakk veloċi d-difiża Mal­ti­ja nqabdet fuq sieq waħda biex Mario Pasalic iddepożita fix-xibka mill-assist ta’ Kramaric … u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima LUCA MODRIC skorja r-raba’ goal wara li rċieva mingħand Pa­salic. 

L-avversarji komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ meta fis-47 minuta huma skorjaw il-ħames goal meta mill-cross ta’ Kramaric, id-daqqa ta’ ras ta’ Josip Juranovic ġiet salvata parzjalment minn Bonello iżda mir-rebound Lovro Majer xe­ħet fix-xibka.

Tliet minuti wara, Perisic għamel l-impossibbli meta waħdu quddiem Bonello xe­ħet għoli.  

Fit-53 minuta kompliet il-kantaliena ta’ goals hekk kif f’nofs il-ground Steve Pisani għadda pass erratiku lejn Andrei Agius biex laħaq  Andrej Kramaric u b’xutt fil-baxx minn 40 metru bogħod tefa’ fix-xibka.

Fl-64 minuta, Lovro Ma­jer għamilhom sebgħa wara li kkonnettja mill-pass ta’ Marko Livaja. Il-kumplament tal-logħba żvolġa f’sessjoni ta’ taħriġ għall-Kroati fejn il-players Maltin flimkien mal-partitarji dehru demoralizzati għall-aħħar.

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Kurt Shaw (4-Karl Micallef 83), 3-Ryan Camenzuli, 5-Andrei Agius, 7-Joseph Mbong (21-Shaun Dimech 69), 9-Luke Montebello (14-Alex Satariano 62), 13-Enrico Pepe, 17-Teddy Teuma (6-Matthew Guillaumier 62), 18-Jurgen Degabriele, 19-Bjorn Kristensen (10-Steve Pisani 46), 20-Cain Attard  – Coach: Zlatko Dalic

KROAZJA: 12-Ivo Grbic, 3-Borna Sosa, 4-Ivan Perisic (18-Mislav Orsic 54), 5-Daje Caleta–Car, 9-Andrej Kramaric (7-Bruno Petkovic 54), 10-Luka Modric (13-Nikola Vlasic 54), 11-Marcelo Brozovic (16-Kristjan Jakic 46), 15-Mario Pasalic (14-Marko Livaja 62), 19-Lovro Majer, 20-Josko Guardiol, 22-Josip Juranovic  – Coach: Zlatko Dalic

REFEREE: Deniz Aytekin (Ġermanja)

ASS. REFEREES: Christian Dietz, Dominik Schaa (Ġermanja)

RABA’ UFF.: Florian Badstubner (Ġermanja)

SKORERS: I. Perisic 6, D. Caleta-Car 22, M. Pasalic 39, L. Modric 45, L. Majer 47, 64 A. Karmaric 53 (K); M. Brozovic 31 o.g. (M)

AMMONIT: E. Pepe (M)

Sport