Friday, December 27, 2024

TTD 2022 – Rebħa prestiġjuża għal Malta kontra Ċipru

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat – ritratt: Christine Borg

Malta ……………3

Ċipru ……………0

Permezz ta’ wirja mill-aqwa l-Maltin kisbu rebħa meritata meta għelbu lil Ċipru bl-iskor ta’ 3-0.

Il-Maltin kellhom diversi players neq­sin fosthom Matthew Guillaumier, Jurgen Degabriele, Bjorn Kristensen, Luke Gambin u Kyrian Nwoko.

Rimarkabbli huwa l-fatt li din kienet l-ewwel partita f’madwar sena u disa’ xhur li fiha setgħu jidħlu l-ispettaturi fil-ground, filwaqt li kienet ukoll l-ewwel waħda li fiha ġie utilizzat l-Video Assistant Referee (VAR) għal-logħba tat-team naz­zjonali f’pajjiżna.

Appena għaddew żewġ minuti, Ċipru ħasbu li marru fil-vantaġġ meta b’xutt angolat, Ioannis Puttas, għeleb lil Henry Bonello iżda l-goal ġie mħassar għal pożizzjoni ta’ offside.

Il-Maltin wieġbu sitt mi­nuti wara meta Luke Montebello seta’ għamel aħjar  meta waħdu quddiem il-goalkeeper Michael Neofytos ixxuttja b’saħħtu u ċentrali.

Fil-35 minuta, il-Maltin setgħu faċilment marru fil-vantaġġ meta l-captain Steve Borg għadda tajjeb lejn Luke Montebello li min-naħa tiegħu b’elegenza  kbira għadda through pass lejn Paul Mbong iżda minn pożizzjoni ferm idea­li u bl-għajta tal-goal falla l-mira meta l-ballun għadda ma’ sieq il-lasta.

Ċipru wieġbu fl-40 minuta fejn resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta Ioannis Pittas kellu daqqa ta’ ras mill-viċin taħbat mal-wieqfa biex mill-azzjoni li segwiet Cotsas Soteriou deher jaqa’ waħdu fil-kaxxa f’dik li r-referee Taljan, Fabio Maresca, ġġudika bħala si­mulazzjoni biex b’hekk urieh il-karta safa li kienet ukoll it-tieni waħda li kienet tfisser ukoll tkeċċija.

U ftit wara, fl-44 minuta, il-Maltin fetħu l-iskor meta Ryan Camenzuli xeħet cross għan-nofs b’Joseph Mbong ikun pront u permezz ta’ rovexxjata spettakolari ser­va lil CAIN ATTARD li venven xutt fis-saqaf tax-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Maltin komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fis-46 minuta rduppjaw l-iskor meta Ryan Camenzuli għadda tajjeb lejn Teddy Teuma li min-naħa tiegħu xeħet cross lejn JOSEPH MBONG li qam għall-okkażjoni u permezz ta’ daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka. 

Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Maltin u fl-54 minuta skorjaw it-tielet goal meta Paul Mbong bidel il-ballun ma’ Ryan Camenzuli, bil-pass tiegħu jiġi devjat għand CAIN ATTARD li minn qagħda ideali spara ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.

MALTA: 1-Henry Bonello, 2-Kurt Shaw (22-Zach Muscat 59), 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 7-Joseph Mbong (21-Shaun Dimech 59), 9-Luke Montebello (19-Alexander Satariano 70), 10-Steve Pisani, 11-Paul Mbong (8-Jake Grech 70), 13-Enrico Pepe, 17-Teddy Teuma, 18-Cain Attard Coach: Devis Mangia – Coach: Devis Mangia

ĊIPRU: 22-Michael Neofytos, 2-Andreas Karo, 3-Marios Antoniades (14-Fanos Katelaris 64), 4-Nicholas Ioannou, 5-Costas Soteriou, 8-Chambos Kyriakou (17-Loizos Loizou 71), 9-Dimitris Christofi (19-Marios Ilia 58), 15-Fotis Papoulis (13-Nikolas Panayiotou 58), 16-Paris Psaltis, 18-Kostakis Artymatas, 23-Ioannis Pittas (20-Grigoris Kastanos 58) Coach: Nikolaos Kostenoglou .

REFEREE: Fabio Maresca (Italja)

ASS. REFEREES: Giorgio Peretti, Daniele Bindoni (Italja)

RABA’ UFF.: Alberto Tegoni (Italja)

SKORERS:  C. Attard 43, 54, J. Mbong 46 (M)

AMMONITI: C. Soteriou (2), F. Papoulis (Ċ), K. Shaw, J. Mbong, P. Mbong (M)

    TKEĊĊA: C. Souteriou 41 (Ċ)

Ekonomija

Sport