Wara t-telfa ta’ 1-0 kontra l-Finlandja, valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, 2026, illum Malta tkun impenjata f’partita mill-aktar diffiċli minn Grupp G meta, f’Varsavja, taffronta lill-Polonja.
Il-partita ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda kienet ukoll id-debutt tal-coach Taljan, Emilio De Leo (ritratt), kif ukoll taż-żewġ players “barranin” Ilyas Chouaref u Jamie Carragher, li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija.
Il-wirja kienet waħda qalbiena hekk kif il-Maltin ma qagħdux lura milli jattakkaw u jħabbtu lid-difiża Finlandiża, tant, li saħansitra kien jimmeritana li niskorjaw.
Madankollu, wara din it-telfa De Leo jrid jaħdem żgur fuq il-lat psikoloġiku sabiex il-Maltin jibqgħu iffukati u jevitaw żbalji elementari fid-difiża.
Il-bieraħ wara nofs in-nhar, huwa u l-midfielder Teddy Teuma indirizzaw lill-media waqt il-konferenza stampa ta’ qabel il-konfront tal-lum kontra l-Polonja. Filwaqt li rrifletta fuq il-prestazzjoni riċenti kontra l-Finlandja, De Leo rrikonoxxa l-progress tat-team iżda enfasizza l-ħtieġa għal aktar titjib f’oqsma ewlenin.
Il-coach faħħar il-wirja qawwija kontra l-Finlandja iżda saħaq li filwaqt li t-team għandu jkun kburi, irid jagħraf ukoll id-diżappunt li ma assigurax riżultat pożittiv. Huwa rrimarka wkoll li l-ħtieġa biex isiru aġġustamenti difensivi hija passi kruċjali ‘l quddiem.
Sfidi tal-Fitness u
tal-Għażla tal-Iskwadra
Billi s-sessjoni ta’ taħriġ tal-bieraħ filgħaxija kienet l-ewwel waħda mill-partita tal-Ġimgħa li għaddiet, De Leo stqarr li se jkun jista’ biss jevalwa bis-sħiħ il-kundizzjonijiet tal-players wara.
Madankollu, skont l-istaff mediku, l-iskwadra tidher li tinsab f’forma tajba, ħlief għal Kurt Shaw, li se jitlef il-partita wara li tkeċċa kontra l-Finlandja. Dan in-nuqqas se jżid mal-isfidi tal-għażla, iżda l-coach faħħar l-entużjażmu u d-determinazzjoni tat-team.
“Meta jintlaqgħu l-għanijiet u jiġu analizzati t-telfiet, dawn jipprovdu opportunità lill-players biex janalizzaw l-iżbalji u jitgħallmu minnhom,” irrimarka De Leo, filwaqt li enfasizza l-filosofija tiegħu ta’ titjib kontinwu.
Rispett għall-Polonja
b’fokus fuq il-prestazzjoni
Waqt li fisser li l-Polonja bħala avversarji diffiċli, De Leo żamm lura milli jagħmel ġudizzji iżda rrikonoxxa s-saħħa, l-esperjenza, u l-klassifika tagħhom. Huwa enfasizza l-kwalità tal-iskwadra tal-Polonja, b’ħafna players jikkompetu fl-aqwa kampjonati fl-Ewropa.
“Nafu li se jkun hemm diffikultajiet, iżda rridu nbiddluhom f’opportunitajiet. Il-Polonja jkunu jridu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom, iżda l-kisba ta’ riżultat tajjeb f’dan il-grupp hija dejjem ta’ sfida,” huwa żied jgħid.
Teddy Teuma: Kunfidenza u
Intensità id-Differenzi Ewlenin
Il-midfielder Teddy Teuma tenna s-sentiment ta’ progress, filwaqt li nnota li Malta wriet aktar impenn fl-aħħar partita tagħhom. Huwa rrimarka li l-logħob bil-personalità kienet l-akbar differenza, u ma kellu l-ebda dispjaċir dwar l-isforzi tat-team kontra l-Finlandja.
“Il-bidla ewlenija kienet l-intensità tagħna. Ħassejna ruħna aktar kunfidenti, u dan huwa pass ‘il quddiem għalina,“ temm jgħid Teuma.
Intant, l-avversarji tal-Maltin jinsabu fil-35 post tar-rankings tal-FIFA. It-team huwa mmexxi mill-coach, Michal Probiesz, li ilu fil-kariga sa mis-sena 2023.
Huwa kien jilgħab bħala midfielder fejn deher ma’ timijiet pjuttost modesti filwaqt li fuq livell internazzjonali wasal sat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena.
Bla dubju, l-aktar player perikoluż tal-Pollakki huwa Robert Lewandowski. Kien proprju hu li skorja l-goal rebbieħ, nhar il-Ġimgħa li għadda, meta għelbu lil Litwanja bl-iskor ta’ 1-0.
L-attakkant ta’ Barcelona, li f’pajjiżu huwa diġá meqjus bħala leġġendarju, b’kollox lagħab 157 partita filwaqt li skorja total ta’ 85 goal.
Din il-partita tibda fid-8.45 pm u se tixxandar diretta fuq TVMSport+