Tuesday, March 25, 2025

TTD 2026: Malta megħluba b’goal f’kull taqsima

Aqra wkoll

Polonja ……2

Malta ………0

Quddiem 42,00 spettatur f’Narodowy Stadium,  f’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, Malta sfat megħluba mill-Polonja bl-iskor ta’ 2-0 b’goal f’kull taqsima.

Bla dubju, l-eroj tat-team Malti kien il-goalkeeper, Henry Bonello, li evita bosta goals bis-saves spettakolari tiegħu.

Il-coach nazzjonali, Emi­lio De Leo, għażel li jibda bl-istess formazzjoni inizjali li lagħab biha fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Finlandja bl-eċ­ċez­zjoni Enrico Pepe li ġie nkluż minflok is-sospiż, Kurt Shaw.  

Kienu l-Pollakki li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti Jakub Kaminksi isserrep ma’ tliet players Maltin qabel fajjar xutt bid- dawra li għadda jħakkek mal-wieqfa.

Il-Maltin għamlu reazzjoni mmedjata u tliet minuti wara heddew permezz ta’ xutt ta’  Ilyas Chouaref minn barra l-kaxxa, li iżda, kien ċentrali.

Fit-13-il minuta, il-Pollakki resqu viċin li jiftħu l-iskor meta Mateusz Bogusz approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża Maltija qabel kellu x-xutt mill-viċin salvat mill- goalkeper, Henry Bonello, li ħareġ jagħlaq l-anglu.

Ħames minuti wara, minn azzjoni ta’ free-kick, Jan Bednarek kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata mingħajr wisq diffikultá minn Bonello.

Madankollu, fis-27 minuta, l-avversarji tagħna fetħu l-iskor  meta minn nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża Maltija, Przemyslaw Frankowski għadda tajjeb lejn Krzysztof Piatek li xeħet cross fil-baxx, bil-goalkeeper Bonello jmiss il-ballun li antiċipa lil James Carragher milli jikklerja l- periklu u bil-kalma kollha  KAROL SWIDERSKI xeħet f’lasti vojta.

Malta wieġbet fit-33 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx ta’  Ilyas Chouaref mid-distanza li għadda ftit barra.

Iżda mill-azzjoni li seg­wiet, il-Pollakki setgħu skorjaw it-tieni goal meta Karol Swiderski kellu xutt insidjuż mid-distanza li ħareġ l-aħjar ta’ Bonello li dawwar f’corner b’mod stupend.

Malta wieġbet fis-37 minuta permezz ta’ xutt  ta’ James Carragher minn barra l-kaxxa  li gie salvat b’diffikultá minn Skorupski.

U f’botta u risposta, minuta biss wara, xutt kważi minn tarf il-kaxxa ta’ Sebastian Szymanski għall-Pollakki għadda ftit barra.

Fit-43 minuta, konklużjoni ċentrali minn barra l-kaxxa ta’ Mateusz Bogusz ġiet salvata b’diffikultá minn Bonello.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, il-Pollakki komplew bl-istess ritmu ta’ qabel il-mistieħ u fit-52 minuta irduppjaw meta Jakub Moder b’eleganza bit-takkuna għadda tajjeb lejn KAROL SWIDERSKI li ġibed lejn ix-xellug u b’xutt angolat xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Huma komplew jippressaw u sitt minuti wara konklużjoni fil-baxx ta’ Ja­kub Moder ġiet salvata minn Bonello.

Il-Pollakki komplew jiddominaw u fil-61 minuta Swiderski kellu xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa salvat mill-goalkeeper Malti.

Fil-71 minuta, huma kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal meta minn azzjoni ta’ free-kick, Bonello ċaħħad lil Swiderski milli jirreġistra hat-trick personali meta wettaq save kbir fuqu minn taħt il-lasti.

Fil-91 minuta, il-Maltin spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Chouaref għal karta ħamra diretta għal foul kemmxejn ikrah fuq Kamil Piatkowski biex issa se jkun sospiż għaż-żewġ logħbiet li jmiss.

POLONJA: 1-Lukasz Skorupski, 5-Jan Bednarek (4-Mateusz Wieteska 46), 8-Jakub Moder, 10-Sebastian Szymanski, 11-Karol Swiderski, 13-Jakub Kaminski (18-Bartosz Bereszynski 87), 14-Jakub Kiwlor, 15-Kamil Piatkowski, 19-Przemyslaw Frankowski (2-Matty Cash 66), 21-Mateusz Bogusz (17-Bartosz Slisz 46), 23-Krzysztof Piatek (9-Robert Lewandowski 66)   – Coach: Mi­­chal Probierz

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 5-James Carragher, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Essien Mbong (18-Adam Magri Overend 66), 9-Ilyas Chouaref, 10-Teddy Teuma, 13-Enrico Pepe (2-Jean Borg 84), 20-Paul Mbong (14-Kyrian Nwoko 46), 22-Zach Muscat, 23-Alex Satariano (11-Basil Tuma 58)    – Coach: Emilio De Leo

REFEREE: Morten Krogh (Danimarka)

ASS. REFEREES: Dennis Wollenberg Rasmussen, Stef­fen Bramsen (Danimarka)

RABA’ UFF: Jacob Karlsen (Danimarka)

SKORERS: K. Swiderski 27, 52 (P)

AMMONITI: Z. Muscat, B. Tuma, I. Chouaref (M), P. Frankowski, B. Slisz (P)

TKEĊĊA: I. Chouaref 91 (M)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport