Il-Kroazja jaffrontaw lill-Brażil fl-ewwel kwartifinali tat-Tazza tad-Dinja li s’issa kienu fost dawk l-aktar timijiet li mpressjonaw u jinsabu fost il-favoriti li jirbħu dan l-unur tant prestiġjuż.
Il-Kroazja għaddew għall-kwartifinali wara li għelbu lill-Ġappun bl-għoti tal-penalties, u żammew ir-rekord tagħhom li qatt ma tilfu bil-penalties fi Tazza tad-Dinja.
Huma se jimmiraw li jaslu sas-semifinali għat-tielet darba fl-istorja tagħhom, wara li spiċċaw it-tielet fl-1998 u finalisti telliefa fl-aħħar tournament fl-2018.
Il-Brażil ikkwalifikaw għall-kwartifinali b’rebħa konvinċenti ta’ 4-1 fuq il-Korea t’Isfel. Minn meta rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-2002, huma sfaw eliminati fl-istadju tal-kwartifinali tat-Tazza tad-Dinja fi tlieta minn erba’ edizzjonijiet, u spiċċaw ir-raba’ fl-2014.
Il-Kroazja żgur li se joffru test qawwi lill-Brażil u se jkun diffiċli biex wieħed ibassar min se jirbaħ, iżda l-ħames darbiet champions tad-Dinja jibdew favoriti li jittrijonfaw.
Għall-Kroati, Borna Sosa ma kienx parti mill-iskwadra fir-rebħa kontra l-Ġappun, minħabba li kellu virus, iżda għandu jirritorna fil-formazzjoni inizjali.
Josip Stamisic tilef ukoll il-logħba kontra l-Ġappun, minħabba injury muskolari, u għalhekk irid jiġi evalwat qabel din il-logħba.
Min-naħa l-oħra għall-Brażil, Alex Sandro tilef kemm il-logħba kontra l-Kamerun kif ukoll dik kontra l-Korea t’Isfel minħabba injury f’ġenbejh u għalhekk irid jiġi evalwat qabel din il-logħba. Barra minn hekk huma tilfu wkoll is-servizzi tal-attakkant, Gabriel Jesus, wara li ġie operat fl-għaksa liema injury sofra fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Kamerun.