Il-Fifa qed tinvestiga ilment uffiċjali li l-coach ewlieni ta’ Żambja, Bruce Mwape, aggredixxa sesswalment player li ħadet sehem fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa.
Mwape jinsab akkużat li ħakk idejh fuq sider ta’ waħda mill-players tiegħu waqt sessjoni ta’ taħriġ fi New Zealand, fid-29 ta’ Lulju.
“Irċevejna lment,” qal kelliem tal-FIFA.
Iżda l-FA ta’ Żambja qalet li “ma rċeviet l-ebda ilment bħal dan” u hija “sorpriża”.
Jingħad li l-allegat inċident seħħ waqt sessjoni ta’ taħriġ jumejn qabel l-aħħar partita tal-grupp tagħhom kontra l-Costa Rica, li Żambja rebħu 3-1 għall-ewwel rebħa tagħhom f’Tazza tad-Dinja.
Il-kelliem tal-FIFA żied jgħid: “Il-FIFA tieħu b’serjetà kbira kwalunkwe allegazzjoni ta’ kondotta ħażina u għandha proċess ċar fis-seħħ għal kull min fil-football ikun irid jirrapporta inċident.”
Żambja rritornaw f’pajjiżhom wara li ġew eliminati wara li spiċċaw it-tielet fi Grupp Ċ.
“Is-sessjonijiet ta‘ taħriġ ta’ Żambja ġew iffilmjati mit-team tal-media tal-FAZ u ma joffri l-ebda filmat bħall-allegat każ,” qal kelliemi tal-Assoċjazzjoni.
“Barra minn hekk, ekwipaġġ tal-filmati tal-FIFA marbut mat-team ta’ Żambja f’dan it-tournament kien preżenti fis-sessjonijiet ta’ taħriġ kollha.
“Aħna, iżda, nixtiequ nassiguraw lill-pubbliku li l-FAZ iżżomm l-ogħla livelli ta’ integrità u trasparenza u dejjem titlob kondotta etika bla waqfien tal-players u uffiċjali ġewwa u barra l-ground.
“Għalhekk ma noqogħdux lura milli nieħdu miżuri dixxiplinarji u naġixxu fuq kwalunkwe kondotta ħażina ladarba nkunu rċevejna lment uffiċjali jew meta niġu ppreżentati b’evidenza li għandha x’taqsam ma’ inċident tal-istess allegazzjoni.”
Kelliem għall-pulizija ta’ New Zealand qal: “Konna konxji ta’ allegat inċident u wara li għamilna l-ewwel inkjesti, ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni oħra li tittieħed.”
Allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali kontra Mwape, li ħa l-inkarigu fl-2018, ħarġu wkoll fis-sena li għaddiet fuq il-midja soċjali. Dakinhar, l-FA ta’ Żambja qalet li ma rċeviet l-ebda ilment uffiċjali, iżda fetħet investigazzjoni, u żiedet li “dawn l-allegazzjonijiet nqisuhom serji ħafna”.
Mwape kien mistoqsi kemm-il darba dwar dawk l-allegazzjonijiet fit-Tazza tad-Dinja iżda ċaħad kull att ħażin u saħaq li kienu “foloz”.