Ingilterra ……0
Niġerja ……….0
(Ingilterra 4-2 bil-penalties)
L-Ingilterra għaddew għall-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa li qed issir fl-Awstralja u fi New Zealand b’rebħa drammatika fuq in-Niġerja bl-iskor ta’ 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals anke wara l-ħin barrani.
L-Ingliżi lagħbu l-ħin barrani bi player inqas meta fis-87 minuta, Lauren James ikkommettiet foul inutli meta rifset fuq dahar l-avversarja, Michelle Alozie.
Il-Lionesses kellhom jitħabtu biex ħarġu rebbieħa minħabba li għal ħinijiet twal, in-Niġerjani kienu l-aħjar team speċjalment fil-ħin barrani meta kienu qed igawdu s-superjoritá numerika.
In-Niġerja, 11-il darba champions Afrikani, esegwew il-pjan tal-logħba tagħhom għall-perfezzjoni fejn iffrustraw lill-Ingilterra billi bdew jirbħu kull dwell.
Huma kienu wkoll sfortunati meta laqtu l-mimduda f’kull taqsima, permezz ta’ Ashleigh Plumptre u Uchenna Kanu rispettivament.
Bla dubju, il-goalkeeper Mary Earps, ipproduċiet diversi saves importanti biex żammiet lill-kollegi tagħha fil-partita u, bla dubju, kienet l-aħjar player għat-team immexxi mill-coach Sarina Wiegman.
F’nofs l-ewwel taqsima, kien hemm id-drama meta l-Ingliżi ngħataw penalty għal “foul” ta’ Rasheedat Ajibade fuq Rachel Daley. Iżda din id-deċiżjoni ġiet rekovata mill-VAR.
Fil-lotterija tal-penalties, Georgia Stanway, falliet mill-11-il metru filwaqt li Bethany England, Rachel Daly, Alex Greenwood u Chloe Kelly skorjaw għall-Ingilterra.
Min-naħa ta’ Niġerjani, Rasheedat Ajibade u Christy Ucheibe skorjaw filwaqt li Desire Operanozie u Michelle Alozie fallew.
Fil-kwartifinali, l-Ingilterra jilagħbu kontra r-rebbieħ bejn il-Kolumbja u l-Ġamajka.