Rapport riċenti mill-Aġenzija Ewropea tad-Droga (EUDA) wera stampa allarmanti dwar ir-realtà li qiegħda taffaċċja l-Ewropa. Din ir-realtà inkwetanti tinvolvi l-portijiet marittimi Ewropej fejn irriżulta li dawn saru wieħed mill-punti l-aktar sfruttati mill-kriminalità organizzata biex idaħħlu kwantitajiet kbar ta’ droga.
Fil-fatt, mill-istess rapport irriżulta li bejn Jannar 2019 u Ġunju 2024 ġew interċettati aktar minn 1,826 tunnellata ta’ sustanzi illegali relatati mal-UE bi kważi 70% minnhom jinqabdu direttament fil-portijiet. L-aktar mod komuni ta’ kif id-droga hija traffikata huwa permezz ta’ kontejners kummerċjali (83% tal-każijiet) fejn merkanzija leġittima tintuża bħala paraventu biex tgħatti l-kunsenji illeċiti.
Fost il-portijiet ewlenin imsemmija f’dan ir-rapport hemm dawk ta’ Rotterdam, Antwerp u Valencia. Dawn jinsabu taħt pressjoni kbira iżda l-EUDA qiegħda tisħaq li l-problema mhiex limitata biss għal dawn iċ-ċentri kbar. Anzi, hekk kif il-kontrolli f’dawn il-punti intensifikaw, il-kriminalità bdiet timmira żoni alternattivi fosthom portijiet iżgħar bħall-Port Ħieles ta’ Marsaxlokk.
Malta: punt strateġiku iżda vulnerabbli
Ta’ min isemmi l-pożizzjoni ġeopolitika ta’ pajjiżna tagħmilna ċentru naturali ta’ tranżitu fil-Mediterran. Il-Port Ħieles għandu konnessjonijiet diretti ma’ aktar minn 100 port madwar id-dinja, inkluż f’żoni li huma kritiċi għat-traffikar – l-Afrika tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Amerika t’Isfel.
Dan huwa vantaġġ ekonomiku imma huwa wkoll punt ta’ riskju. F’pajjiż żgħir fejn l-infrastruttura hija limitata u r-riżorsi umani mhumiex illimitati, kull nuqqas jew żbilanċ jista’ jinħass b’mod iktar gravi. Possibilità ta’ korruzzjoni fuq livell operattiv, pressjoni fuq impjegati tal-port, jew nuqqas ta’ investiment f’sistemi avvanzati ta’ skrutinju jistgħu jħallu lil Malta esposta.
Il-ħsara ma tkunx biss fuq ir-reputazzjoni. Pajjiżna jista’ jsofri konsegwenzi ekonomiċi jekk il-port tagħna jitqies bħala punti “faċli” jew mhux affidabbli mill-awtoritajiet internazzjonali. Barra minnhekk hemm ukoll il-periklu tas-suq domestiku: traffikar li jgħaddi mill-Mediterran jista’ jidħol ukoll lokalment u b’hekk iżid il-problemi ta’ dipendenza u kriminalità interna.
Metodi kriminali dejjem aktar sofistikati
… il-kokaina hija l-aktar komuni
Ir-rapport tal-EUDA jenfasizza li l-organizzazzjonijiet kriminali mhumiex biss qegħdin joperaw b’volum kbir, imma anke b’sofistikazzjoni dejjem akbar. L-istrateġija tagħhom tinkludi “rip-off shipments” fejn id-droga tintefa’ f’kontejners ġenwini mingħajr l-għarfien tal-kumpanija li qiegħda tittrasporta l-merkanzija; influwenza fuq impjegati bil-kriminali jippruvaw jixtru jew jheddu ħaddiema tal-port ħalli jagħtu informazzjoni dwar movimenti ta’ kontejners; kif ukoll komunikazzjoni sigura u teknoloġija kriptata li permezz tagħha jevitaw li jkunu interċettati jew segwiti mill-awtoritajiet.
It-tip ta’ drogi li qegħdin jinstabu jinkludi kokaina, eroina u kannabis. Il-kokaina hija l-aktar droga komuni u ħafna drabi titlaq mill-Amerika t’Isfel u tiddaħħal fl-Ewropa permezz ta’ portijiet ewlenin.
Nuqqasijiet Ewropej
Skont l-EUDA, waħda mill-akbar problemi hija n-nuqqas ta’ kordinazzjoni bejn l-istati membri. Issemma’ li m’hemm ebda sistema uniformi ta’ ġbir u analiżi tad-dejta, frammentazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali u li l-investiment f’tagħmir modern bħal scanners u sistemi ta’ risk profiling huwa limitat.
Dawn id-dgħufijiet jagħmlu lill-Ewropa kollha vulnerabbli. Ħafna drabi pajjiżi kbar għandhom aktar riżorsi biex jikkumbattu t-traffikar, iżda portijiet iżgħar – bħal dak ta’ Malta – jistgħu jintużaw bħala “back door” li minnu jgħaddi ħafna traffiku illegali.
Malta bħala parti mis-soluzzjoni
Il-messaġġ tar-rapport huwa ċar: ħadd ma jista’ jħaddem il-portijiet tiegħu waħdu. L-EUDA qiegħda tħeġġeġ għal pjattaformi ta’ dejta komuni bejn l-istati membri, investiment f’AI, scanners avvanzati u sistemi intelliġenti. Barra minnhekk qiegħda tipproponi taħriġ regolari u speċjalizzat għall-ħaddiema portwali kif ukoll unitajiet ta’ intelligence b’saħħa legali li jistgħu jaħdmu mal-forzi internazzjonali.
Jekk tingħaqad b’mod attiv ma’ dawn l-inizjattivi Malta għandha opportunità li tkun mudell ta’ port żgħir li jirnexxi fil-prevenzjoni. Dan mhux biss jipproteġi l-ekonomija u r-reputazzjoni tagħna, imma jpoġġi lil pajjiżna bħala punt kruċjali kontra l-ġlieda Ewropea kontra t-traffikar tad-droga.
Ir-responsabbiltà hija kollettiva
Il-portijiet mhumiex biss ċentri ta’ kummerċ. Huma wkoll linja ta’ difiża kontra kriminalità transnazzjonali li kif naraw u nafu, qiegħda timmina s-soċjetà Ewropea.
Jekk l-Ewropa tfalli milli taġixxi bħala front wieħed, ir-riskju huwa li l-Mediterran u l-portijiet tiegħu jsiru rotot primarji għad-droga mill-Amerika t’Isfel u minn reġjuni oħra.
Ir-rapport tal-EUDA jpoġġi qudddiemna realtà serja. Il-kriminalità organizzata qiegħda taħdem fuq skala globali u ssib fil-portijiet Ewropej il-bieb ewlieni tagħha. Malta, minkejja ċ-ċokon, għandha rwol strateġiku. Jekk ninvestu f’sistemi intelliġenti, inżidu t-taħriġ u ngħaqdu l-forzi tagħna ma’ dawk Ewropej, nistgħu mhux biss inkunu parti mis-soluzzjoni, imma wkoll fuq quddiemnett tagħha.