Saturday, December 21, 2024

TURIJA OĦRA TAL-IMPORTANZA LI GĦANDU L-MEDITERRAN

Aqra wkoll

Għajnejn l-Ewropa llum se jkunu fuq Malta fejn se jitlaqqa’ l-ewwel Summit tal-MED9. Dan se jiġbor fih il-mexxejja tad-disa’ pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa li huma fir-reġjun tal-Mediterran. L-importanza ta’ dan is-summit tidher mill-fatt li se jattendu għalih il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Dan is-summit imur ukoll f’id mal-messaġġ li Malta tgħaddi bħala vuċi kredibbli fil-fora internazzjonali. Fuq l-aġenda tad-diskussjoni mistenni li jkun hemm l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-prezzijiet tal-enerġija, il-kompetittività u s-suq uniku. Temi li huma ta’ rilevanza kbira għal dawn il-pajjiżi billi huma wkoll qed ikunu affettwati minn dawn il-kwistjonijiet.

Għalhekk matul din il-laqgħa ta’ livell għoli li Malta se tkun qiegħda tospita llum, se jitqajmu dawk it-temi li qed ikunu ta’ tħassib għalihom sabiex flimkien jaraw ukoll x’inhi t-triq ‘il quddiem. Żgur mhux forsi din il-laqgħa se tgħin biex tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn dawn il-pajjiżi fit-tiftix għas-soluzzjonijiet ta’ dawn il-problemi.

Malta, fiċ-ċokon tagħha, billi tospita dan is-summit qiegħda tagħti prova oħra ta’ kemm ir-reġjun tal-Mediterran huwa importanti bħalma dejjem kien. Tul iż-żmien dan ir-reġjun dejjem kellu storja mqallba b’esperjenzi negattivi fosthom tniġġiż u reġjun li dejjem kien milqut minn xi gwerra.

Għalhekk dan is-summit huwa importanti għal Malta daqskemm huwa importanti għall-pajjiżi ġirien membri tal-Unjoni Ewropea li flimkien huma involuti f’ħidma lejn is-soluzzjonijiet tal-problemi li jdawru r-reġjun tal-Mediterran.

Ekonomija

Sport