Wednesday, December 25, 2024

Turista tallega li ġiet stuprata minn raġel waqt li kien qed jagħmlilha l-massaġġi

Aqra wkoll

Raġel li jaħdem fi spa ta’ lukanda fejn jagħmel il-massaġġi lill-klijenti nżamm arrestat wara li ġie mixli li stupra turista li kienet fuq btala f’Malta. Il-każ allegatament seħħ f’San Pawl il-Baħar.

Il-mara, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kienet irrappurtat li ġiet allegatament stuprata wara li l-imputat kien qed jagħmlilha massage.

Fil-ġurnata ta’ wara seħħ l-inċident, hija qatgħet biljett biex titlaq minn Malta sabiex ma tkunx preżenti meta jitressaq l-imputat fil-Qorti.

Clint Douglas Moses, Indjan ta’ 28 sena residenti x-Xgħajra, wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ stupru, li żamm lill-vittma kontra r-rieda tagħha u wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tagħha.

Fil-Qorti ntqal li huwa ma kienx irrapporta għax-xogħol matul il-jum tal-Ħadd. Meta mistoqsi dwar dan, huwa kien qal lill-pulizija li kien jaf li ġrat xi ħaġa u ma ħassux komdu jmur għax-xogħol.

Il-Prosekuzzjoni qalet li mill-Ħadd li għadda, l-imputat kien beda jikkuntattja xi persuni fl-Italja u Spanja biex jiċċekkja dwar opportunitajiet ta’ xogħol f’dawn il-pajjiżi, possibilment anke jiftaħ in-negozju tiegħu ta’ spa.

L-imputat inżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni, bil-Qorti twissih biex ma jikkomunika bl-ebda mod mal-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Spiteri. L-Avukat Alfred Abela deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport