Tuesday, May 14, 2024

Aktar irġiel milli nisa fil-popolazzjoni Maltija

Aqra wkoll

Il-popolazzjoni Maltija kienet tlaħħaq il-519,562 persuna fl-2021. Dan ifisser li meta mqabbel ma’ mitt sena ilu, il-popolazzjoni f’pajjiżna aktar minn irduppjat u żdiedet b’aktar minn 100,000 fl-aħħar 10 snin.

Dan ħareġ miċ-ċensiment li sar fl-2021 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn jingħad li Malta baqgħet l-aktar pajjiż b’popolazzjoni densa fl-Unjoni Ewropea, b’1,649 resident għal kull kilometru kwadru.

Iċ-ċensiment tal-2021 sab ukoll li għall-ewwel darba, kien hemm aktar irġiel milli nisa fi ħdan il-popolazzoni Maltija. B’kollox f’Malta kien hemm 270,021 raġel (52% tal-popolazzjoni) u 249,541 nisa.

L-età medja tal-popolazzjoni kienet dik ta’ 41.7 snin. Ir-residenti Għawdxin kienu kemmxejn akbar fl-età mill-Maltin fejn kienu rreġistrati etajiet medji ta’ 43.8 snin u 41.5 snin rispettivament.

In-numru ta’ barranin li jgħixu Malta qabżu l-115,000, li jfisser ħames darbiet aktar minn dak irreġistrat fiċ-ċensiment tal-2011.

Meta mistoqsija dwar l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom, 373,304 residenti li għandhom 15-il sena jew aktar wieġbu li huma Kattoliċi Rumani. 17,454 persuna qalu li r-reliġjon tagħhom kienet l-Islam u 16,457 oħra identifikaw lilhom infushom mar-reliġjon Ortodossa. Kien hemm 23,243 persuna li ddikjaraw li ma kellhom l-ebda affiljazzjoni reliġjuża.

Sport