Sunday, May 5, 2024

AĠĠORNAT: Għawdex tingħata lura l-provvista tal-elettriku

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa minn Enemalta, il-kumpanija kkonfermat li reġġgħet lura l-provvista tal-elettriku lill-klijenti tagħha f’Għawdex fl-iqsar żmien teknikament possibbli wara li kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables li jwasslu l-elettriku lejn il-gżira. 

Il-provvista nqatgħet għall-ħabta tal-11:20 a.m., hekk kif kuntrattur li kien qed iqatta’ trinka fl- inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa laqat żewġ cables ta’ 33 kilovolt, li jwasslu l-elettriku lill-gżira Għawdxija. Inġiniera u tekniċi ta’ Enemalta fiċ-Ċentru tal-Kontrol tan-Network u f’installazzjonijiet oħra tal-Kumpanija mill-ewwel bdew jaħdmu biex jagħtu l-provvista mill-ġdid. Wara li għamlu t-testijiet meħtieġa fuq konnessjoniji alternattiva biex jaċċertaw li ma ntlaqtitx mill-ħsarat ukoll, taw lura l-provvista lill-klijenti affettwati fis-2:00 p.m. 

Sadanittant, tim ieħor ta’ ħaddiema, bl-għajnuna tal-kuntrattur li kien qed jaħdem fejn seħħ l-inċident, bdew jirranġaw il-cables milqutin. Filwaqt li dawn ix-xogħlijiet delikati għadhom għaddejjin, mhux eskluż li aktar tard illejla jkun hemm xi qtugħ temporanju fil-provvista f’xi partijiet t’Għawdex, waqt li jkunu qed jitlestew ix-xogħlijiet. 

Enemalta tirringrazzja lill-ħaddiema tagħha li ħadmu sabiex jiżguraw li l-klijenti jingħataw il-provvista mill-aktar fis. Tirringrazzja wkoll lill-klijenti tagħha għall-koperazzjoni tagħhom, filwaqt li jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent minħabba dan l-aċċident. 

Fis-1:00 pm: Ħidma mill-Enemalta biex titreġġa’ lura għan-normal il-provvista tal-elettriku f’Għawdex

L-Inġiniera u t-tekniċi tal-Enemalta jinsabu għaddejjin b’ħidma sabiex il-provvista tal-elettriku f’Għawdex titreġġa’ lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr.

Dan wara li fl-aħħar ħin, kuntrattur li kien qed jaħdem fil-viċinanzi tal-Mellieħa laqat cables li kellhom vultaġġ għoli li jissupplixxu l-provvista tal-elettriku f’Għawdex.

Ħabbret dan il-paġna ta’ Facebook ta’ Enemalta stess, filwaqt li rringrazzjat lil pubbliku għall-kooperazzjoni tiegħu sakemm jissolva dan l-inkonvenjent.

Sport