Saturday, November 30, 2024

TURISTI TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna dwar l-għan li nattiraw turiżmu ta’ kwalità lejna. Biss xejn mhu ċar x’qed nifhmu b’hekk. F’diversi mumenti l-mod kif nitkellmu dwaru donnu jagħti tifsiriet differenti.

Għax: xinhu li jikkostitwixxi turist ta’ kwalità? Risposta faċli hi: wieħed li fiż-żmien li jdum Malta jonfoq ħafna. Imma fuq hiex u kemm? Jekk ikun wieħed minn dawk li jiġu għall-kunċerti l-kbar li jsiru, se jonfoq ħafna fuq xorb alkoħoliku, ġieli bla rażan (biex ma nsemmux droga). Dak hu?

Jissemmew turisti li jfittxu l-lukandi lussużi bi “brand qawwija”. Allura lesti li jonfqu ħafna. Imma se jiġu minħabba l-lukanda jew minħabba l-prodott li jinsab barra minnha? Jissemmew it-turisti li jiġu għall-kungressi kbar, tipo Sigma. Eżattament għaliex jintqal li jonfqu ħafna? Jew it-turisti li huma interessati fil-kultura u fl-isport. X’inhu li jwassalhom li jonfqu aktar? Veru jagħmlu hekk?

Imbagħad hemm il-punt dwar kif dawn it-turisti ta’ kwalità se jaslu Malta. Parti kbira tat-titjiriet bl-ajru lejn u minn Malta saru tat-tip lowcost. Tgħid, turisti ta’ kwalità se jiġu bihom u jiffrankaw, imbagħad jonfqu ħafna meta jkunu fostna?

PRIORITAJIET FL-EDUKAZZJONI

Insostnu ħafna, bir-raġun, li l-edukazzjoni rridu nindokrawha biex niżguraw li sservi bħala l-mutur għall-iżvilupp tal-ekonomija u s-soċjetà tal-pajjiż. Fil-fatt, in-nefqa fuqha tagħna hi fost l-ogħla komparattivament fl-Ewropa. Madankollu – ħaġa magħrufa – ir-riżultati li qed jinkisbu f’numru ta’ direzzjonijiet xejn mhuma sodisfaċenti.

Għalhekk hi frustranti sitwazzjoni bħal dik f’kulleġġ statali ta’ taħriġ għoli fejn tibqa’ tippersisti tilwima “industrijali” mal-għalliema, b’ħidmiet edukattivi li bħala parti mill-miżuri li ttieħdu, mhumiex isiru. U dan meta negozjati “industrijali” suppost aktar delikati – mat-tobba, maċ-ċivil – ġew maħlula.

Sadattant, mhux ċar xinhu s-saram. Nuqqas ta’ qbil dwar ħlas? Dwar ħinijiet tax-xogħol? Dwar prattiċi u metodi tax-xogħol? Dwar l-istatus tal-għalliema?

“STUDY-IN”

Fl-Università ta’ Harvard fl-Istati Uniti, studenti u membri tal-fakultà akkademika sabu mod innovattiv ta’ protesta paċifika biex juru l-kundanna tagħhom għall-mod inuman kif Iżrael qed imexxi l-gwerra kontra Gaza u l-bqija.

Huma jmorru fil-librerija tal-Università u jqattgħu xi sighat jaqraw u jistudjaw fil-kwiet, bla storbju ta’ xejn. L-attività tlaqqmet “study-in”. Diffiċli tistħajjel protesta aktar ċivili u paċifika minn hekk. Xorta tat fil-għajn.

Il-parteċipanti ġew iċċensurati billi kienu pprojbiti milli jidħlu fl-Università jew jikkonsultaw fiżikament ir-reġistri tagħha għal numru ta’ jiem. M’hemmx dubju li kieku l-protesti saru favur Iżrael u d-“dimostranti” ngħataw l-istess pieni, l-Università kienet tiġi akkużata li qed twettaq politika anti-semitika (kif wara kollox xorta qed jiġri imma għal raġunijiet oħra).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport