Monday, January 19, 2026

TURIŻMU

Aqra wkoll

L-aktar settur ekonomiku sa issa li ta riżultati kważi dejjem konsistenti hu t-turiżmu. Żgur li minħabba fih li llum l-ekonomija baqgħet tirranka. Il-biża’ li dejjem eżista – dwar kif it-turiżmu kien qasam wisq fraġili u jista’ f’daqqa jisparixxi – baqa’ ma sarx realtà. Sadattant oqsma oħra li tqiesu aktar sodi – il-biedja, il-manifattura – baqgħu jmajnaw.

Veru li ma ħadniex ħsiebhom biżżejjed speċjalment wara li Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, u ħallejnihom jibdew jinxfu fuq iz-zokk. It-turiżmu ma ġralux l-istess, u forsi mhux għaliex ħadna ħsiebu aktar – argument dibattibbli. Tieħu ħsieb settur ma jfissirx sempliċement twaddab lejh fondi… kif għamilna, ta’ spiss b’riżultati tajba għalkemm mhux dejjem.

Jista’ jkun li fil-qasam tat-turiżmu, pajjiżna għandu vantaġġi li domna biex nindunaw bihom… u forsi għadna ma fhimnihomx għal kollox. Vantaġġi li matul is-snin, taw rankatura li l-manifattura tilfet, kif ukoll in-nifs tat-tul li niddubita kemm għandhom is-setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-imħatri bl-internet.

IMPRIŻI TAL-ISTAT

L-azjendi tal-istat imtellgħa biex joħolqu l-ġid ekonomiku, m’għadhomx aċċettati. Fejn għad baqa’ minnhom, il-kmandament tal-privatizzazzjoni baqa’ jitħaddem. Kull deni li jista’ jissemma jitkaħħal ma kwalunkwe impriża statali li tinżamm ħajja… korruzzjoni, ineffiċjenzi, abbużi ta’ poter, indħil politiku grottesk, impjiegi u ħlasijiet ta’ pagi żejda…

Ħafna drabi dawn l-akkużi, jew uħud minnhom, kienu ġustifikati. Huma wasslu biex il-mudell ta’ impriżi statali jispiċċa skreditat. Madankollu meta wieħed iqis il-fallimenti tas-suq ħieles “liberali” (mhux l-anqas fil-qasam tal-medja soċjali), wieħed ikollu jistaqsi jekk wasalx iż-żmien biex il-mudell tat-tmexxija minn impriża statali għandux jerġa’ jiġi kunsidrat.

WOKE

L-għajta kontra l-“moda” ta’ ħsieb u aġir hekk imsejħa woke, saret qawwija ħafna. Kemm l-amministrazzjoni Trump ilha li ħarġet qatta’ bla ħabel kontra tagħha, l-ideat u r-riformi legali tal-woke qed jingħataw il-ġenb jew addirittura jitħassru. 

Issa ma nafx kif tista’ tiċħad ċerti principji marbuta mal-qalba tal-woke. Bħall-ġlieda favur id-drittjiet tan-nisa, il-partecipazzjoni akbar tagħhom fit-tmexxija tal-komunità u kontra l-isfruttament sesswali. Bħall-isforzi kontra d-diskriminazzjoni razzjali u etnika. Bħall-ħidma kontra kull diskriminazzjoni lejn ċittadini, minħabba l-orjentament sesswali tagħhom…

Jista’ jkun li ċerti bidliet ittieħdu ’l bogħod wisq. Għal uħud, dehru li qed jimponu stili ta’ ħajja differenti – “minoritarji” – fuq min ma kellu l-ebda ħajra għalihom. Biss dan bl-ebda mod ma jiġġustifika li l-prinċipji ċentrali li nebbħu l-moviment woke jinqalgħu ’l barra.  Iż-żamma tagħhom tista’ u għandha titwettaq, dejjem f’rispett lejn x’jemmnu l-maġġoranzi fil-popolazzjoni ta’ ġeneru, razza, tendenza sesswali… jew dawk li mingħalihom jinsabu f’dawn il-maġġoranzi. M’għandux ikun hemm diżgwid dwar dil-ħaġa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport