Sunday, July 27, 2025

TURIŻMU TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Nisimgħuha ta’ spiss din li rridu nressqu lit-turiżmu tagħna lejn il-miġja ta’ turisti ta’ kwalità. Kulħadd jaqbel mal-għan, kulħadd iridu.

Imma ħafna mistoqsijiet li għandhom isiru jibqgħu bla tweġiba; ġieli lanqas nistaqsuhom. Xi jfisser turist ta’ kwalità, min hu/hi? Turist li j/tonfoq aktar… ħafna aktar… ras imb’ras minn ta’ qablu/qabilha? Turist li interessat/a l-aktar  fil-kultura? li j/tibbukkja f’lukandi tal-ħames klassi? li j/tiġi għad-diving? għar-ristoranti ta’ lussu? U f’dan kif jikkwalifikaw it-turisti li jiġu Malta għall-kunċerti ta’ massa, per eżempju?

Sadattant, x’qed isir biex dak li jridu t-turisti ta’ kwalità jiġi provdut? Il-lukandi enormi li kkonċentraw fl-inħawi ta’ Paceville? Il-ħolqien ta’ okkażjonijiet ġodda kulturali u ta’ divertiment?… U kif qed jiġi affettwat dan kollu mill-konġestjoni fit-traffiku, il-bini abużiv, l-iffullar fit-toroq u l-indixxiplina fit-tmexxija taż-żoni publiċi?

Kollha mistoqsijiet li jixiriqilhom risposta. Li ma tingħatax. Jew meta tingħata, ikollok tiddubita kemm hi koerenti. U jista’ jkun hemm ukoll mistoqsijiet oħra aktar pertinenti li messhom jitpoġġew. La m’aħniex inpoġġuhom, żgur mhux se jingħataw risposta.

VON DER LEYEN

Uhud eżaġeraw meta ppreżentaw bħala rebħa kbira li l-Parlament Ewropew ivvota dan l-aħħar kontra l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Li l-mozzjoni mhiex se tgħaddi kienet ħaġa ovvja mill-bidu. Imma meta tħares mill-qrib lejn il-figuri, ir-riżultat ma tantx jidher ħelu.

360 kienu kontra, 175 kienu favur, 18 astjenew.  B’kollox 553 ivvotaw; jew 78.6 mill-membri tal-Kamra. Numru sew minn dawk li ma dehrux għall-vot kienu preżenti fil-bini tal-Parlament għax dwar voti oħra dehru.

Biss 65 fil-mija ta’ dawk preżenti fil-Kamra vvotaw kontra: jew in-nofs kważi eżatt tal-Parlament Ewropew kollu. Ma nafx kif dan jista’ jitqies bħala riżultat sodisfaċenti meta von der Leyen suppost għandha l-appoġġ tal-forzi “pro”-Ewropej fil-Parlament! Is-sinjali dwar kif se tiżviluppa r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament fis-snin li ġejjin mhumiex sbieħ.

SPEZZETTAR ORGANIZZATTIV

Aspett li ma tantx naqbel miegħu fil-mod li bih żviluppat is-sistema organizzattiva tal-gvern f’pajjiżna matul l-aħħar deċennji, hu kif l-istrutturi ewlenin ta’ tmexxija minn fuq sa isfel… minn ministeri sa korporazzjonijiet ewlenin… infirdu vertikalment minn xulxin… Saru wisq sparpaljati. Biex nuża xbiha kemxejn imġebbda, sirna li qisu fi kċina, biex titqatta u tissajjar laħma, għandna bżonn ta’ erba’ koki, sitt assistenti koki u tuzzana kap lavranti. 

L-istess sindromu jirrepeti ruħu f’istituzzjonijiet ewlenin, apparti minn ministeri: il-korp tal-pulizija, il-kolonni tal-edukazzjoni… għalkemm l-aktar li ttieħdu minnu huma l-oqsma tal-ambjent u tal-bini. Dan l-ispezzettar kollu qed jagħmel ġid?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport