Tuesday, February 4, 2025

Twanny Rocco – il-kowċing tal-futbol huwa ħajtu

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Bħal kull tifel ieħor fi żmieni, ftit kien hawn x’issegwi u l-isport kien ittimbrat bħala ħela ta’ ħin.  Il-ballun tal-plastik jew taċ-ċaruta kien forsi l-aktar ġugarell popolari – konna nilagħbu fit-triq u l-bniet biż-żibeġ. 

Kont insegwi lill-mibki Carmelo Costa fuq ir-redifusion u l-programm Sports Panorama tal-mibki Louis Portelli fuq it-televixin.  Nhar ta’ Sibt kont nara wkoll ‘Star Soccer’ li kien ixandar il-logħob li jkun intlgħab ħmistax qabel.

Il-football  kienet logħoba popolari tat-triq b’bosta tfal jissieltu wara dik il-ħaġa tonda.  Kultant konna naħarbu jew nieqfu meta nkissru xi ħġieġa. 

It-Tazza tad-Dinja tal-1966 li saret u ntrebħet mill-Ingilterra ressqitni ħafna aktar lejn il-logħba.  Kien għad għandi 14-il sena u niftakar l-eliminazzjoni tal-Italja kontra l-Korea b’gowl ta’ Pak du Ikk. Minn hemm bdejt nixtri r-rivisti ‘Football Monthly’ għal tlett xelini u nofs, u ‘World Soccer’ għal ħames xelini, li għal dak iż-żmien kienu prezzijiet għoljin.  Kien ikun fihom infomazzjoni fuq il-klabbs, players, leagues etc.  ‘Football Monthly’ kien ikun fih artikli mill-coach popolari Malcolm Allison li kien l-Assistent ta’ Joe Mercer ma’ Manchester City. ‘World Soccer’ kien jidħol fit-tattika tal-logħba u l-bżonnijiet tekniċi li kull plejer ikollu bżonn.  Minn hemm bdejt ninteressa ruħi li nitgħallem aktar fuq il-logħba.  Dak iż-żmien kont inħobb insegwi lil Manchester United u sseħibt bħala membru tas-Supporters Club. 

Bħal subien oħra Marsin kont nattendi l-Azzjoni Kattolika mmexxija mil-mibki Kappillan Patri Diegu Theuma.  Fosthom, u għadna ħbieb sal-lum, kien hemm Raymond (Weber) Xuereb li kien irreġistra mal-Furjana wara li kien sar District League.  Dak kien pass li għaqli li lili ħeġġiġni biex nivvinta xi ħaġa biex it-tfal mill-Marsa jibqgħu jilagħbu bil-gear aħmar u blu.  Ġbart ftit tfal minn Triq l-Iskola u fit-18 ta’ Novembru 1967 bdejna nittrenjaw fl-għalqa ta’ ħdejn l-iskola u minn hemm beda t-tim Marsa Hammers Utd u lgħabna l-ewwel partita fit-28 ta’ Jannar 1968 mal-Liga tal-Ħamrun fil-post tagħhom.  L-isem ħareġ minn dak ta’ West Ham Utd, tim li kien magħruf għall-istil tiegħu li jilgħab football sabiħ fil-baxx bi tliet plejers Champions tad-Dinja Bobby Moore, Geoff Hurst u Martin Peters.

Ta’ 18-il sena applikajt għall-kors tal-kowċing tal-futbol immexxi mill-Ingliż Harold Hassell, liema applikazzjoni ġiet rifjutata minħabba l-eta’. Niftakar nisma’ lil ħabib kbir tiegħi li bqajt nirrispetta jgħid, mela l-coaches se jibdew ikunu bil-ħarqa?!  Kif jinbidel iż-żmien.  

Marsa Hammers bdejna nikbru nilagħbu kull nhar ta’ Ħadd wara nofsinhar fejn illum hemm il-Luxol St Andrew’s.  Biż-żmien it-tim tal-Marsa FC beda jiġi ffurmat minn plejers tal-Marsa Hammers Utd, li allura kienet qisha n-nursery ta’ dan iż-żmien li tipproduċi l-plejers għat-tim il-kbir.  Fost l-ewwel tfal li lgħabu mal-Hammers, sa minn meta kellu tmien snin kien il-plejer internazzjonali Raymond ‘Mundu’ Vella. B’kollox kien hemm 18 -il plejer li ħarġu mill-Marsa Hammers li għamluha mat-tim tal-Marsa FC.  Fosthom kien hemm 3 fin-Nazzjonal – Raymond Vella, Frankie Grima, u l-mibki Joe Borg flimkien mal-Youth International players tal-MFA Mario Cilia, Joe Grech, Charles Camilleri u Nenu Camilleri. 

Tony Formosa, eks kowċ nazzjonali kien l-ewwel mentor tiegħi li baqa’ jigwidani sa ftit qabel ħalliena.  Persuna oħra li kienet ta’ għajnuna kien John Calleja, dak iż-żmien coach tal-isbaħ żmien tal-club tal-Marsa FC meta anke lgħabna kontra l-Juventus.  Waqt li kont mal-Marsa ġejt mistieden ningħaqad maċ-Ċentru Sport Edukattiv ta’ Fr Hilary.  Hawn bdiet veru paġna ġdida fejn tgħallimt sewwa l-prinċipji sportivi.  Bdejt indaħħal f’rasi li r-rebħ mhux ta’ bilfors.  Tgħallimt kif torganizza aktar lit-tfal u kont l-iżgħar kowċ fiċ-Ċentru u l-uniku li mhux għalliem.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek bħala kowċ u fuq il-fatt li int proprju l-iżgħar kowċ li qatt ikkowċjajt fl-Ewwel Diviżjoni?

Fl-esperjenza tiegħi nħoss li jien kuntent b’dak li għamilt, u forsi b’aktar ħsieb stajt nagħmel xi ftit aħjar. Bħala l-iżgħar kowċ li qatt ikkowċjajt fl-Ewwel Diviżjoni ta’ dak iż-żmien inħoss li tgħallimt ħafna d-differenza bejn youth football u adult football, fejn hemm baħar jaqsam.  Ninkoraġixxi liż-żgħażagħ li ma jaqtgħux qalbom li jibdew il-linja tal-coaching kemm -il darba ma jkunux eks-plejers, pero’ jridu jkunu dixxiplinati ħafna f’dak li jagħmlu.  Importanti huwa r-rispett u li kapaċi tidħol fil-ħajja ta’ dawk imdawwrin miegħek fejn tista’ tkun t’għajnuna dejjem.

Fit-18 ta’ Novembru li għadda,  iċċelebrajt anniversarju importanti.  Agħtina iktar dettalji.

It-18 ta’ Novembru huwa l-anniversarju tiegħi minn meta għamilt l-ewwel training session mal-Marsa Hammers.  Minn hemm bqajt għaddej u għadni attiv sal-ġurnata tal-lum fil-livell ta’ nurseries.  Il-fażi tal-Marsa Hammers wittietli t-triq biex fl-istaġun 1971-1972 inħtart kowċ tal-Minors tal-Marsa FC u fl-istaġun 1975-1976 rbaħna l-kampjonat tal-Minors ta’ Sezzjoni A u lejn tmiem l-istaġun inħtart interim kowċ tal-ewwel tim tal-Marsa u f’dak il-perjodu kont l-iżgħar kowċ tal-Ewwel Diviżjoni.  Fi staġun 1976-1977 ġejt ikkonfermat bħala l-coach tat-tim tal-Marsa FC fit-Tieni Diviżjoni li mbad irbaħna l-promozzjoni ma’ Birkirkara għall-Ewwel Diviżjoni. Għamilt ukoll perjodu inkarigat mill-qaddiefa tar-Regatta tal-Marsa bħala Preparatur Fiżiku.  Għal tlett staġuni infila bejn l-1975 u l-1977 il-Marsa kienu rebbieħa tar-Regatta. 

L-ewwel tim li ngħaqadt miegħu ‘l barra mill-Marsa kien Luqa St Andrew’s li kienu fir-Raba’ Diviżjoni u fl-istaġun 1978-1979 ġejna promossi għat-tielet diviżjoni u rbaħna wkoll in-Knock Out.  Wara żewġ staġuni, ingħaqadt ma’ Ħal Lija għal erba’ staġuni u rbaħna l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni meta ġie ffurmat għall-ewwel darba l-kampjonat tal-Premier, li llum nafuh bħala l-Malta 360 Premier League. 

Wara ngħaqadt mal-Msida St Joseph għal żewġ staġuni u wara mal-Minors taż-Żurrieq. F’dak iż-żmien kont nagħti l-għajnuna lil Marsa White Stars għal tliet staġuni fiż-żmien li kienu jipparteċipaw fil-Youth FA fejn irbaħna kemm l-Under 15 u l-Under 13 Competitions ta’ dak iż-żmien. 

Wara l-esperjenza maż-Żurrieq iddeċidejt li l-ħidma tiegħi għandha tiffoka aktar fuq l-etajiet ta’ sittax -il sena ‘l isfel.  U hemmhekk ingħaqadt man-nursery ta’ Sliema Wanderers fejn qattajt ħdax -il sena.  Hemm kelli l-opportunita’ li naħdem aktar mill-viċin ma’ Leli Fabri li kien il-persuna li ressaqsni lejn Ġużi Fava.  Dejjem insista miegħi li nieħdu ħsieb li l-ebda tifel ma jitlaq min-nursery għax inkunu inqasnih, u li dejjem inżommu f’moħħna li ebda tifel mhu akbar mill-klabb.  Kienu snin mill-isbaħ, bin-nursery tas-Sliema dak iż-żmien kienet waħda mill-aqwa, fejn irbaħna l-kampjonat tal-Under 16  tal-Youth FA erba’ darbiet infila, u żewġ finali tal-Under 14 li waħda minnhom irbaħniha.

Wara ħdax -il sena, il-grupp kollu ta’ coaches konna waqafna minn mas-Sliema u jien ingħaqadt man-nursery tal-Hibs wara li kien avviċinani s-Sur Norman Buckle.  Hemm hekk qattajt seba’ staġuni u wara erba’ snin mal-MFA Regions taħt it-tmexxija ta’ Dusan Fitzel, irritornajt għal żewġ staġuni oħra ma’ Hibs bħala Head Coach.  Mal-Hibs erbaħna l-Under 16 u l-Under 17 wara li kien ġie rivedut il-format tal-kampjonat tal-Youth FA.  Waqt l-aħħar sentejn tiegħi l-HIbs konna wkoll tellajn grupp ta’ coaches għal programm tal-Leonardo da Vinci fl-Iskozja fejn kellna l-opportunita’ li naraw fil-prattika l-amministrazzjoni tal-youth sector.  Dan komplejt naħdem fuqu wara li ngħaqadt man-nursery ta’ Żejtun Corinthians li għat-tieni darba kont qed norganizza Coaching Clinic fin-nursery bil-kollaborazzjoni tal-kowċ Olandiż tal-UEFA Ruud Dokter.  Minn hemm kelli esperjenzi oħrajn fit-tmexxija tan-nurseries ta’ Tarxien Rainbows fejn ikkollaborajt tajjeb ferm mal-Amministratur Mark Aquilina u għall-ewwel darba ġibna lill-kowċ Skoċċiż tal-iScotland YFA u Rangers, Brian Sproul.  Ħdimt ukoll fin-nurseries ta’ Mġarr United, Qormi u Birżebbuġa u bħalissa qed nokkupa l-kariga ta’ Head Coach ma’ Kirkop United.  Esperjenza li qed nieħu pjaċir nagħmilha għaliex inħoss li għandi s-sapport mit-tmexxija, ġenituri u anke plejers.

X’ingredjenti partikolari jrid ikollu kowċ biex jirnexxi fil-karriera tiegħu?

Importanti li l-kowċ, irrispettivament f’liema livell jaħdem, irid ikollu l-imħabba lejn il-logħba u l-għarfien tagħha.  Għandu jkun persuna li kapaċi jgħaqqad il-grupp u jikkomunika b’rispett lejn dawk li qegħdin taħt il-ħarsien tiegħu.  Tajjeb li l-kowċ ikun kapaċi jaddatta għas-sitwazzjonijiet varji li jinqalgħu bħal per eż nuqqas ta’ faċilitajiet eċċ.  Fis-settur tat-tfal b’mod partikolari, l-kowċ, apparti li għandu jħares lejn l-aspett organizzattiv b’mod wiesgħa, huwa fid-dover li jħares lejn l-iżvilupp tal-plejer u l-grupp u fuq kollox jimmotiva lill-plejers sabiex jirsistu u jibqgħu determinati li jitgħallmu u jirrispettaw. Fuq kollox, minkejja l-kwalifiċi, il-kowċ irid ikun preparat li jibqa’ jitgħallem dak kollu li jkun għaddej fil-logħba moderna.

Kif rajt il-futbol Malti jinbidel tul is-snin?

Kull ħaġa għandha żmienha.  Il-progress jibdel dak li kont tagħmel il-bieraħ. L-istess il-logħba sabiħa tal-football.  Mingħajr dubju l-introduzzjoni tas-social media ta spinta ta’ tibdil u informazzjoni aktar vasta.  B’differenza ma’ ftit snin ilu, l-attendenza fil-grounds hija waħda li tidher.  Naħseb li kull ma jmur, il-klabbs qed isiru aktar organizzati.  L-infrastruttura u l-faċilitajiet bl-għajnuna tal-gvernijiet u l-MFA hija ħafna aħjar.  Il-kura lill-plejer hija aktar professjonali.  Qed ikun hemm aktar nies kwalifikati fejn jidħol kowċing, fosthom physical preparators, game analysts, masseurs u tobba li studjaw ix-xjenza sportiva. 

Hemm iktar flus fil-football fejn jidħlu pagamenti u trasferimenti.  Min-naħa ta’ plejers bħal ħafna pajjiżi oħra jidher li l-parti teknika hija wisq inferjuri mill-passat.  Min-naħa l-oħra s-sistemi adottati mill-coaches iħarsu iktar lejn l-impenn fiżiku minn dak tekniku.  Is-sistema tattika hija aktar ta’ kontroll fuq kull plejer individwali u allura maqsuma fuq tim kollettiv.  It-tibdil tar-regolamenti jġibu magħhom dawn il-bidliet u oħrajn.

Li jiddispjaċini hija li miż-żgħar sal-kbar jidher li naqset l-imħabba lejn il-logħba, mhux naqas il-logħob tal-ballun, imma naqas dak is-sagrifiċċju u l-impenn bis-serjeta’.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-kowċing?

Wara din il-karriera ta’ coaching naħseb li wasal dak iż-żmien li nibda nnaqqas bil-mod iżda sakemm tippermettili s-saħħa, u nara li l-amministraturi, ġenituri u t-tfal jibqgħu jaċċettawni jiena nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi fis-settur tan-nursery.

Għaddi messaġġ finali li min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess bħala kowċ tal-futbol.

Il-kowċing tal-futbol huwa xi ħaġa impenjattiva, trid tkun prattiku ħafna u jekk ma jkollokx ħin ma tistax tagħti l-massimu kollu tiegħek.  Dejjem kun preparat b’dak kollu li għaddej fil-logħba, analizza kull sitwazzjoni li tinqala’ kemm waqt it-taħriġ u anke waqt il-logħob, u ibqa’ imparzjali ma’ kulħadd!

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport