Monday, December 23, 2024

Twissija ta’ żewġ ċikluni fi New Zealand

Wara ċ-ċiklun Gabrielle għadha għaddejja tfittxija ta’ tmien persuni

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-pulizija ta’ New Zealand għadha għaddejja b’ħidma intensiva għal tmien persuni rrapportati nieqsa wara l-maltemp qawwi kkawżat miċ-ċiklu Gabrielle. Din il-ħidma, li issa ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ġimgħatejn, tista’ tiġi mxekkla hekk kif l-awtoritajiet lokali ħarġu twissija li hemm riskkju “relattivament baxx” li l-pajjiż jintlaqat minn żewġ ċikluni oħra. 

Fi stqarrija l-pulizija qalu li fost il-persuni li għadhom irrapportati nieqsa hemm min minnhom li, “għal raġunijiet varji”, m’għamlux kuntatt mal-awtoritajiet. Minkejja dan, l-awtoritajiet qalu li xorta waħda jridu jsibu lil dawn in-nies. Sadanittant, it-tbassir tat-temp lokali spjega li qiegħed isegwi l-iżviluppi ta’ żewġ ċikluni oħra li potenzjalment se jolqtu partijiet fin-North Island.

Iċ-ċiklu Gabriel laqgħat lir-reġjun fit-Tramuntana tal-gżira fit-12 ta’ Frar u ħalla mill-inqas 11-il persuna mejta. Barra l-vittmi, dan il-maltemp wassal biex eluf ta’ nies jevakwaw mill-post. Aktar minn 6,000 persuna ġew irrapportati nieqsa eżattament wara li waqaf dan il-maltemp qawwi però, dan l-ammont, nieżel hekk kif bdew l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ. F’dan il-maltemp ġew irrapportati wkoll ħsarat kbar fosthom fis-servizzi tal-komunikazzjoni u twissijiet għal evakwazzjonijiet minħabba għargħar f’Aukland u ż-żoni tal-madwar. Din hija l-akbar belt ta’ New Zealand b’popolazzjoni ta’ madwar 1.6 miljun persuna.

Għaż-żewġ ċikluni li jistgħu jolqtu fil-ħinijiet li ġejjin, l-awtoritajiet avżaw lir-residenti li jista’ jkun hemm xita u maltemp bis-sajjetti. 

Ekonomija

Sport