Il-mewġa ta’ sħana se tippersisti madwar il-Gżejjer Maltin b’temperatura massima mbassra ta’ 42°C skont l-allert aħmar tal-METOFFICE.
It-temperaturi tas-sajf jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa. F’mewġa ta’ sħana, wieħed jista’ jiġi deidrat, u l-ġisem jista’ jisħon iżżejjed. Dan jista’ jwassal għal eżawriment tas-sħana jew heatstroke, li t-tnejn jeħtieġu trattament urġenti. Il-heatstroke jista’ jikkawża ħsara serja lil ġismek u jista’ saħansitra jwassal għall-mewt.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f’riskju akbar ta’ ħsara serja. Dawn jinkludu:
Anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena;
Trabi u tfal żgħar;
Nies b’kundizzjoni kronika tas-saħħa bħal kundizzjonijiet respiratorji jew tal-qalb;
Persuni bi problemi ta’ saħħa mentali;
Nies li għandhom id-deni minħabba infezzjoni;
Nies li jabbużaw mill-alkoħol jew jużaw drogi illegali;
Persuni bi problemi ta’ mobbiltà;
Nies li huma fiżikament attivi bħal ħaddiema manwali jew sportivi.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa javżaw lill-pubbliku biex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u javżaw lit-tabib jekk wieħed jesperjenza sinjali u sintomi ta’ eżawriment tas-sħana. Huwa wkoll rakkomandat li tiċċekkja regolarment fuq l-anzjani u dawk aktar f’riskju speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Biex jiġu evitati l-effetti tal-mewġa tas-sħana:
Evita s-sħana billi tevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
Żomm frisk billi toqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
Agħlaq il-purtieri fuq kmamar li jiffaċċjaw ix-xemx biex l-ispazji ta’ ġewwa jinżammu aktar friski;
Ixrob l-ilma regolarment biex tpatti għat-telf u kul aktar ikel kiesaħ;
Evita likwidi deidratanti. L-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina jistgħu jkunu aktar ta hsara milli jgħinu;
Ilbes ħwejjeġ ħfief;
Qatt tħalli lil ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar jew annimali;
Evita sforz fiżiku fl-iktar partijiet sħan tal-ġurnata;
Imxi fid-dell, applika protezzjoni ghax-xemx u ilbes kappell jekk ikollok toħroġ fis-sħana;
Fittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.
Eżawriment tas-sħana u heatstroke
Sintomi ta ‘eżawriment tas-sħana jinkludu:
Uġigħ ta’ ras;
Sturdament;
Dardir u rimettar;
Dgħjufija fil-muskoli jew bugħawwieġ;
Ġilda ċara;
Temperatura għolja.
Is-sintomi ta’ heatstroke jinkludu:
Uġigħ ta’ ras;
Dardir;
Għatx qawwi;
Ngħas;
Ġilda sħuna, ħamra u xotta;
Żieda f’daqqa fit-temperatura;
Konfużjoni;
Aggressjoni;
Konvulżjonijiet;
Telf tas-sensi.